'Ma nbexxqu l-ebda bieb b'xi klawżola li tista' tiġi mgħawġa biex l-eċċezzjoni ssir regola'

L-Arċisqof jappella lill-Membri Parlamentari biex bid-deċiżjonijiet li jieħdu jassiguraw li ma jbexxqu l-ebda bieb għall-abort

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna appella lill-awtoritajiet biex fid-deċiżjonijiet li se jieħdu fil-ġranet li ġejjin jassiguraw li ma jbexxqu l-ebda bieb għall-abort.

Huqa qal dan waqt iċ-ċelebrazzjoni djoċesana fis-Solennità ta’ Kristu Re li saret ilbieraħ filgħaxija fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. 

L-Arċisqof irrefera għall-emendi li se jressaq il-Gvern illum biex jipproteġu lit-tobba li jagħżlu li jtemmu t-tqala meta l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu. Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qed jinsisti li dawn l-emendi mhu se jmissu xejn mil-liġi tal-abort f’pajjiżna.

Madanakollu, fil-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof appella lill-Membri Parlamentari biex jassiguraw li ma jbexxqu l-ebda bieb b’xi klawżola jew oħra “li tista’ tiġi mgħawġa biex minflok nagħmlu l-eċċezzjoni, l-eċċezzjoni ssir regola.”

L-Arċisqof insista li jekk Malta tbexxaq il-bieb għall-abort tkun għamlet għażla.

“Aħna nassiguraw djalogu leali, rispettuż imma fuq ċerti prinċipji m’aħniex qegħdin għall-bejgħ. U allura nitgħallmu wkoll mill-esperjenza ta’ pajjiżi oħra fejn ftit ftit fetħu bieb beraħ. Fl-1967 fl-Ingilterra daħħlu l-possibbiltà li toqtol tarbija jekk l-omm tkun f’kundizzjoni medika serja. Illum ir-riżultat hu 10 miljun tarbija maqtula minn dawk il-ftit kliem fil-liġi. Min jgħid li l-kelma ma toqtolx? 10 miljuni!,” insista l-Arċisqof.

L-Arċisqof silet ħafna mir-riflessjoni tiegħu mid-dokument tal-Papa Franġisku ‘Il-Ferħ tal-Vanġelu’ li jiddeskrivi lil ċerti nisa bħala “doppjament foqra” meta jkunu qegħdin ibatu “minn sitwazzjoni ta’ esklużjoni, trattament ħażin jew vjolenza, għax spiss isibu ruħhom fi ftit li xejn possibbiltajiet biex jiddefendu l-jeddijiet tagħhom”. 

L-Arċisqof insista li s-soċjetà u anke l-Knisja għandhom id-dover ikunu ta’ sostenn u ta’ appoġġ għall-mara, b’mod speċjali meta ssib ruħha f’diffikultajiet u f’sitwazzjoni diffiċli. 

“Hu dover tagħna u rridu nagħtu kont ta kif nittrattaw il-mara,” saħaq l-Arċisqof.

L-Arċisqof ikompli jikkwota lill-Papa Franġisku fejn jgħid li ma tkunx progressiv jekk taħseb li tista’ ssolvi l-problemi billi teqred ħajja umana. 

L-Arċisqof insista li wieħed ma jistax ma jifhimx is-sitwazzjonijiet ta’ uġigħ il-qalb li jinbtu meta omm issib ruħha f’diffikultajiet kbir, speċjalment meta t-tarbija fil-ġuf “tkun tnisslet frott ta’ xi vjolenza jew f’kuntest ta’ faqar estrem.”

Ikompli jikkwota lill-Papa Franġisku li jgħid li f’ċirkostanzi bħal dawn, ħafna drabi, l-abort jidher bħala l-aqwa jew l-unika soluzzjoni, iżda saħaq li dan għax ftit għadu sar biex dawn in-nies jsibu l-appoġġ kollu li għandhom bżonn. 

More in Politika