Iċ-ċifri tal-inċidenti u l-imwiet fit-toroq 'huma tebgħa' jgħid il-President George Vella

Il-President jappella biex is-sitwazzjoni fit-toroq tkun indirizzata immedjatament u jappella wkoll li jinbidlu l-attitudnijiet fis-sewqan "ta’ suq u ġerri"

Il-President George Vella
Il-President George Vella

Il-President ta’ Malta George Vella appella lil kulħadd biex nagħrfu l-urġenza dejjem tikber li niżviluppaw toroq u attitudnijiet fis-sewqan li jkunu aktar siguri għal kulħadd, peress li ċ-ċifri qal li huma "tebgħa fuq in-nazzjon tagħna" u għalhekk rridu nindirizzaw is-sitwazzjoni b’mod immedjat.

Waqt li kien qed jindirizza l-Konferenza Nazzjonali dwar is-Sigurtà fit-Toroq, “Kif nistgħu nilħqu Vision Zero?” organizzata minn Doctors for Road Safety fil-Palazz Verdala, il-President Vella qal li huwa evidenti li l-isforzi li saru fl-aħħar snin ma kinux biżżejjed biex itemmu l-inċidenti fatali f’Malta, u li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi.

“Huwa importanti li jinbidlu l-attitudnijiet fis-sewqan li hemm bħalissa, u li ilhom għal żmien twil, ta’ suq u ġerri. Jeħtieġ li nagħtu r-responsabbiltà lis-sewwieqa tagħna biex ikunu parti mill-bidla fil-kultura għaliex ma jistax ikun li fis-sena 2022 għadna naraw min jinjora għalkollox l-indikaturi tal-karozzi u s-sinjali fit-toroq,” qal il-President George Vella.

“Minkejja d-distanzi qosra ta’ Malta, l-inċidenti fatali tat-traffiku jibqgħu jseħħu kważi ta’ kuljum,” qal il-President Vella filwaqt li appella lil kulħadd biex nagħmlu l-ewwel pass u ma nibqgħux inpoġġu l-ħajja tagħna jew ta’ ħaddieħor fil-periklu minħabba li moħħna ma jkunx hemm jew minħabba attitudnijiet egoisti. F’dan il-kuntest, huwa rrefera għaż-żieda fl-użu ta’ tagħmir elettroniku bħall-mobiles waqt is-sewqan li jkompli jżid il-potenzjal għall-inċidenti u mwiet.

Il-President George Vella qal li approċċ kollaborattiv għandu jkun fil-qalba ta’ filosofija Vision Zero għas-sigurtà fit-toroq.

“Nemmen bil-qawwa li d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn sħab differenti tal-istess fehma jibqgħu kruċjali biex issir bidla pożittiva fit-tul. Għalhekk, id-djalogu mal-Kunsill dwar is-Sigurtà fit-Toroq, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-ministeri responsabbli involuti fl-infurzar, ix-xogħlijiet infrastrutturali u s-sigurtà fit-toroq, jibqa’ komponent importanti fil-vuċi waħda tagħna kontra kull mewt, u korriment serju, fit-toroq,” qal il-President Vella.

B’referenza għall-ispazju ġeografiku limitat u l-irħula li għandhom densità għolja tal-popolazzjoni, il-President Vella qal li għandna nikkunsidraw alternattivi li jnaqqsu l-użu u l-konċentrazzjoni ta’ vetturi perikolużi fit-toroq tagħna filwaqt li nippromwovu approċċ olistiku u perspettiva usa’ għas-sigurtà fit-toroq.

“Mingħajr ma nnaqqsu l-importanza tar-rwol ta’ infrastruttura sigura, deċiżjonijiet responsabbli, u infurzar, mezzi alternattivi ta’ trasport jikkontribwixxu mhux ftit biex tittaffa din il-mewġa dejjem tikber ta’ karozzi li jinvadu t-toroq tagħna ta’ kuljum,” temm jgħid il-President Vella.

More in Politika