'Ejja ma ninsewx li dan l-istess Uffiċċju li ra illi ssir ġustizzja fil-każ ta' Daphne'- Il-Ministru Attard

Il-Ministru Jonathan Attard esprima l-appoġġ tiegħu għall-Avukat Ġenerali, taħt pressjoni minħabba Nolle Prosequi fil-każ tal-Bank Pilatus

Il-Ministru Jonathan Attard esprima l-appoġġ tiegħu għall-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg - li tinsab taħt pressjoni ta' kritika mill-Oppożizzjoni u l-Għaqda Repubblika wara Nolle Prosequi li qed tkun akkużata li ħarġet fil-konfront ta' persuni marbutin mal-Bank Pilatus. Nolle Prosequi huwa proċess li permezz tiegħu l-Avukat Ġenerali titlob lill-Pulizija biex ma jipproċedux kontra persuna, proċess li ġie mħaddem diversi drabi u li jista' jkun ikkontestat. Minkejja dan, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mhuwiex marbut li jiżvela liema Nolle Prosequi ta u għaliex. 

Attard qal li l-Avukat Ġenerali qed taqdi dmirha, meta kien mistoqsi minn ġurnalist tal-Maltatoday wara attività li matulha ħabbar diversi miżuri marbutin mas-settur ġudizzjarju.

Mistoqsi dwar sitwazzjoni fejn persuna li tkun akkużata b'reati serji tinħeles minħabba żbalji tal-Prosekuzzjoni - bħalma ġara fil-każ ta' allegat attentat tixħim miż-żewġ avukati ta' Yorgen Fenech - u jekk jaħsibx li din hija aċċettabbli, Attard semma l-arrest tal-irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u anke t-tneħħija ta' Malta mil-Lista l-Griża. 

"Ix-xogħol tagħna huwa li nassiguraw illi l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jingħata r-riżorsi meħtieġa biex jiffunzjona... Jiena nirrispetta l-osservazzjonijiet tal-Ġudikatura imma minn naħa l-oħra ma għandniex naslu għall-konklużjoni li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mhux qed jaqdi dmiru. Ejja napprezzaw li dan l-istess uffiċċju assigura li ssir ġustizzja fil-każ ta' Daphne Caruana Galizia, l-istess uffiċċju li pparteċipa ma' oħrajn biex Malta ma tibqax fil-Lista l-Griża," temm jgħid il-Ministru Attard.

More in Politika