Il-Ministru Attard iħabbar numru ta' inizzjattivi u proġetti għal Qorti aktar effiċjenti

Fost oħrajn huwa jgħid li hemm pjani sabiex l-Intelliġenza Artifiċjali tibda tintuża wkoll fil-Qrati

Il-Ministru Jonatha
Il-Ministru Jonatha

Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard illum ħabbar pjani sabiex l-Intelliġenza Artifiċjali tibda tintuża wkoll fil-Qrati sabiex b'hekk tiżdied l-effiċjenza. Attard ħabbar dan fi tmiem żjara li għamel fil-Qrati fejn ħabbar diversi pjani għal proġetti kapitali u investimenti li għandhom iżidu l-effiċjenza tal-infrastruttura fil-Qorti. 

Miżuri oħrajn jinkludu l-bini ta' awli ġodda u t-titjib tas-sistema ta' Wifi. 

Attard qal illi l-Intelliġenza Artifiċjali se tkun involuta f'aspetti diversi tal-proċess ġudizzjarju, bil-għan li jkun assigurat li l-affarijiet jitjiebu u li l-ġustizzja issir malajr u bl-aktar mod effiċjenti. Attard qal ukoll illi deċiżjonijiet mnebbħin mid-data għandhom ikunu tragward tal-policies tal-Gvern.

"Il-politiċi jrid ikollhom data li tgħinhom jidentifikaw sfidi u s-setturi li għandhom bżonn l-attenzjoni jew intervent," qal Attard mingħajr ma speċifika għal-liema dejta kien qed jirreferi. 

“L-allokazzjoni fil-Budget 2023 għall-ġustizzja hija prova ċara ta’ kemm dan il-Gvern għandu fuq nett tal-aġenda tiegħu s-settur tal-ġustizzja. L-allokazzjoni ta’ €49.5 miljun għal dan is-settur mhux biss tfisser żieda ta’ 6% mill-Budget 2022 iżda din l-allokazzjoni hija tliet darbiet aktar minn dak allokat fi żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista,” temm jgħid il-Ministru Attard.

B’hekk, is-sena d-dieħla se naraw it-tlestija ta’ żewġ awli u aktar uffiċini għall-ġudikatura u għall-ħaddiema. Dan apparti li l-gvern se jibqa’ impenjat bl-iżvilupp tal-binja biswit il-Qorti kif ukoll il-binja tal-Qorti ta’ Għawdex.

Indirizza wkoll il-konferenza s-Segretarju Permanenti Johan Galea li tkellem dwar numru ta’ miżuri u inizjattivi li se jkunu qed isiru mill-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, b’attenzjoni speċjali fil-proċess ta’ diġitalizzazzjoni. Is-Sur Galea qal li, “L-aċċess għall-ġustizzja huwa l-mira tal-għodda diġitali, fejn ikun hemm tħarriġ apposta biex ħadd mill-istakeholders ma jitħalla barra. Permezz ta’ dan tinbena kultura ta’ interoperabilità ta’ sistemi, kontabilità, trasparenza, aċċessibilità u ġustizzja li tkun verament people-centred.”

More in Politika