Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li l-kwistjoni tal-housing f'Malta hija allarmanti mhux biss għax, fi kliemu, fadal 1,300 persuna li għadhom qed ifittxu Housing Soċjali, iżda għax il-Gvern waqqaf għal kollox diversi proġetti ta’ Housing Soċjali li beda qabel l-elezzjoni ġenerali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-uffiċini tal-Awtorità tad-Djar, il-Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda kontra l-Faqar Ivan Bartolo innota kif fil-Parlament, meta kienu diskussi l-estimi finanzjarji għal dan is-settur, il-Partit Nazzjonalista mhux biss staqsa lill-Gvern, iżda anke ressaq proposti u stejjer tal-Maltin u l-Għawdxin li qed jiffaċċjaw dawn l-isfidi.
"Minkejja l-wegħdiet u l-kliem sabiħ ta’ qabel l-elezzjoni, minn Marzu ’l hawn, in-nies li ffirmaw kuntratt mal-Gvern għadhom ma jafux meta se jkollhom saqaf fuq rashom. U dan meta, qabel l-elezzjoni, il-Partit Laburista qal li hawn aktar appartamenti soċjali milli nies fuq il-lista ta' stennija," qal Bartolo.
Insista li l-Gvern qed jagħżel li ma jweġibx il-mistoqsijiet li qed isirulu mill-Partit Nazzjonalista u minn NGOs li jgħinu lil min hu fil-bżonn.
Qal li l-Gvern reġa’ daħħal is-sharing apartments u li fi kliemu "huma biss il-verżjoni moderna tal-kerrejja, b’għadd ta’ persuni joqogħdu f’post wieħed."
"Għaldaqstant, filwaqt li jixtieq li l-qasam soċjali jkun liberu u mingħajr indħil tal-Gvern, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jressaq proposti biex ikunu indirizzati l-problemi ta’ tniġġis, iffullar u ħmieġ fil-blokok, kif ukoll problemi ambjentali, fost oħrajn," temm jgħid il-kelliem.