Mill-Qorti: L-Avukat Ġenerali titlob li x-xhieda tagħha dwar il-Bank Pilatus tinstema' bil-magħluq

Repubblika qed tgħid li l-Avukat Ġenerali ddeċidiet li ma jittiħdux passi kontra uffiċjali tal-bank minkejja li l-inkjesta pubblika li saret tgħid ċar u tond li kellhom jittieħdu passi kriminali kontra diversi uffiċjali

L-Avukat Ġenerali
L-Avukat Ġenerali

Illum l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg se tkun qed tixhed fuq ordni tal-Qorti stess biex tispjega għaliex ħadet id-deċiżjoni biex ma jinħarġux akkużi kontra uffiċjali tal-Bank Pilatus, li skont l-inkjesta maġisterjali kellhom jittieħdu passi kriminali kontrihom.

Dan minkejja li kemm l-Avukat Ġenerali u anke l-Ispettur Pauline D'Amato, mid-Dipartiment għall-Investigazzjoni tar-Reati Kriminali, talbu biex ma jixhdux. 

Repubblika, permezz tal-Avukat tagħha Jason Azzopardi, qed jallegaw li Victoria Buttigieg ħarġet dak magħruf bħala nolle prosequi, jiġifieri ordni biex ma jittiħdux passi kriminali kontra s-sid tal-Bank Pilatus, Ali Sadr Hasheminejad u uffiċjali oħra tal-istess bank, rigward allegazzjonijiet serjii ta' korruzzjoni u ħasil ta' flus.

Fl-10 ta' Ottubru li għadda, l-istess Imħallef Christian Falzon kien laqa' t-talba ta' Repubblika biex kemm l-Avukat Ġenerali u anke l-Ispettur jittellgħu jixhdu. Madanakollu, it-tnejn li huma ressqu applikazzjoni, nhar il-Ġimgħa li għadda, biex tkun irrevokata din id-deċiżjoni. Din it-talba ma ntlaqatx u għalhekk kemm l-Avukat Ġenerali u anke l-Ispettur se jkunu kostretti jixhdu dwar dawn id-deċiżjonijiet li ttieħdu.

Skont l-ordni tal-Qorti, l-Ispettur għandha tippreżenta l-istruzzjonijiet kollha li rċeviet u anke l-korrispondenza li kien hemm bejn id-Dipartiment li fih hi taħdem u l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Hija se tkun qed tintalab tagħti spejagzzjoni ċara tal-ħidma kollha li twettqet bejn Diċembru 2022 u Ġunju 2022 wara l-konklużjoni tal-inkjesta pubblika.

L-AĠ titlob li x-xhieda tagħha tinstema' bil-magħluq

Minkejja dan kollu, hekk kif kienet se tibda' tinstema' l-kawża l-Avukat Ġenerali - permezz tal-avukati tagħha - talbet biex ix-xhieda tagħha tinstema' wara bibien magħluqin u li joħroġ divjett biex b'hekk ix-xhieda ma tkunx ippubblikata u lanqas tkun tista' tiġi leaked xi informazzjoni. 

L-Avukat ta' Repubblika Jason Azzopardi saħaq illi t-talbiet tal-Avukat Ġenerali jirriflettu mentalità ta' pajjiż kolonjali u ħin minnhom instema' jgħid ukoll, "propja Pyongyang."

Intant l-Avukati tal-AĠ sostnew illi d-dokumentazzjoni ma tkunx ippreżentata fil-Qorti minħabba s-sensittività tagħhom. Id-dokumenti huma l-mandati ta' arresti jew inkella d-deċżjonijiet li jitrattaw in-Nolle Prosequi. Minkejja dan, l-Imħallef Christian Falzon fakkar li ladarba kien hemm nolle prosequi dan ifisser li ma hemmx investigazzjoni jew proċeduri għaddejjin. 

L-Imħallef staqsa lill-avukat Azzopardi jekk tistax tibda tixhed bil-magħluq sakemm tipprova li hekk għandu jsir minħabba kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità, bl-avukat jgħid illi hu joqgħod għal dak li tiddeċiedi l-Qorti. Minkejja dan wissa lill-Avukat Ġenerali biex ma tibgħatx il-messaġġ kontra l-iskrutinju ta' uffiċjal pubbliku. Azzopardi qal illi l-Avukat Ġenerali kellha seba' ġimgħat ċans biex tipprepara u akkużaha illi hija 'kompliċi ma' kriminal korrott. Ali Sadr Hasheminjed, kriminal korrott maħrub mill-Amerika, irid jagħlaq ħalq il-Qorti," beda jgħid Azzopardi. 

F'dan il-punt l-awla tispiċċa f'għajjat u storbju bl-Imħallef issikket lill-avukat ta' Repubblika. 

Id-deċiżjoni finali tal-Qorti kienet li għalissa x-xhieda tibda tinstema' bil-magħluq.

More in Politika