Iċ-Chairperson tal-KNK jikkonferma li ma qarax il-ktieb ta' Mark Camilleri qabel ittieħdet id-deċiżjoni li ma jkunx ippromovut

Iċ-Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qal li l-ktieb jinkludi kontenut li jista' jkun libelluż u għalhekk ħa d-deċiżjoni li dan ma jkunx analizzat u ppromovut

L-awtur Mark Camilleri
L-awtur Mark Camilleri

Id-deċiżjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li jirrifjuta li jippromwovi l-ktieb ‘A Rent Seeker’s Paradise,’ miktub minn Mark Camilleri, ittieħdet abbażi tal-posts fuq Facebook tal-awtur u mingħajr ma nqara l-ktieb.

Dan ikkonfermah iċ-Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb meta xehed fil-każ kostituzzjonali li l-awtur Mark Camilleri fetaħ kontra l-istess Kunsill.

L-awtur fetaħ dan il-każ f’Ġunju li għadda kontra ċ-Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li wkoll jismu Mark Camilleri. L-awtur qed jisħaq li hu sofra minn diskriminazzjoni minħabba t-twemmin politiku tiegħu.

Huwa qed jallega li l-Kunsill irrifjuta li jagħmel reċensjoni u jippromwovi l-ktieb `A Rent Seeker’s Paradise,’ li fih huwa jitkellem fuq il-korruzzjoni u anke jikkritika deċiżjonijiet tal-Gvern Laburista.

L-awtur kien hu stess Chairperson tal-Kunsill bejn l-2013 u l-2021. Fl-2020 huwa kisirha minn mal-Partit Laburista u sar fost l-akbar kritiċi tal-Gvern.

Waqt ix-xhieda tiegħu, iċ-Chairperson attwali tal-Kunsill qal li r-relazzjoni tiegħu mal-awtur hija tajba ħafna u li hu jitrattah kif jitratta lill-awturi l-oħra kollha li huma membri tal-Kunsill. 

L-avukat li qed jidher għall-awtur staqsa liċ-Chairperson dwar l-artikli li kull ġimgħa, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jippubblika fuq il-gazzetta ILLUM. 

Dawn huma artikli li jintbagħtu direttament mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-gazzetta ILLUM ma tieħu l-ebda deċiżjoni dwar liema ktieb ikun ippromovut jew analizzat.

Iċ-Chaiperson qal li Mark Vella, l-awtur ta’ dawn l-artikli, huwa ħieles li janalizza liema ktieb jidhirlu u meta jkun xi ktieb sensittiv, ġieli jitlob xi pariri.

Huwa stess ikkonferma li l-editur tal-gazzetta ILLUM ma jieħu l-ebda deċiżjoni fuq il-kontenut, bl-artiklu jkun ippubblikat għax kif jintbagħat. 

Kien waqt il-kontro-eżami li ċ-Chairperson ammetti li hu ma qarax dan il-ktieb, ippubblikat biss bħala ebook, qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni dwar jekk għandux ikun analizzat jew inkella ppromovut.

“Allura ħadt id-deċiżjoni abbażi tar-rapporti fuq il-midja,” qal l-Avukat. “Hekk hu,” wieġeb iċ-Chairperson.

Mistoqsi għal aktar dettalji, Camilleri qal li Mark Vella xtaq li janalizza dan il-ktieb iżda t-tim iddeċieda kontra għax jinkludi kontenut li jista’ jkun libelluż.

Minkejja li kkonferma mill-ġdid li hu kien għadu ma qarax il-ktieb, iċ-Chairperson ikkonferma li kien jaf b’libelli li Membri Parlamentari kienu diġà fetħu kontra Mark Camilleri minħabba dak li kiteb fil-ktieb.

Insista li ma xtaqx li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jispiċċa wkoll suġġett għal dawn il-libelli, anke għax insista li dawk li jinkiteb għandu jkun hemm il-provi u l-evidenza warajh.

Il-każ ikompli f’Diċembru. 

More in Politika