Analiżi | Il-but, l-ambjent, it-traffiku u l-prezz tal-proprjetà: Il-Baġit indirizza l-akbar tħassib tal-Maltin?

Il-Baġit li tħabbar ġimgħa ilu kien fih elenku ta' miżuri li jtaffu mill-għoli tal-ħajja, kontinwità fuq inizjattivi ambjentali u aktar skemi biex tixtri darek. Imma kien fih il-viżjoni meħtieġa biex l-ambjent ma jibqax jinqered? Biex ikollna trasport tal-massa alternattiv u inqas traffiku? L-ILLUM tagħti ħarsa... 

Il-baġit issa tressaq. Issa nafu l-elenku ta' miżuri li tħabbru u anke l-ħafna diskors illi fih jitratta diversi oqsma ekonomiċi u soċjali. Pero' l-Baġit kemm indirizza l-problemi u l-isfidi li qed jiffaċċjaw u jdejqu l-aktar lin-nies? Qiegħed jindirizza l-ambjent jew ħafna greenwashing? Qed jitratta l-problema tat-traffiku? Kif qed jitratta l-problema tal-għoli tal-ħajja? U dawk li ma jifilħux jsiru sidien ta' darhom kif se jintlaqtu? 

Kontijiet, sussidju u l-flus minn fejn ġejjin?  

L-enerġija qed tiġi diskussa ħafna bħalissa, hekk kif l-Ewropa qed tiffaċċja prezzijiet tal-gass dejjem jogħlew li qed iwasslu għal kontijiet ogħla fil-kontinent, nuqqas ta' gass u biża' li ma jkunx hemm biżżejjed forniment ta' gass fix-xitwa biex l-ewropej iżommu d-djar sħan. 

Il-Gvern Malti qed jagħmel tajjeb għal dan billi joħroġ sussidju li jlaħħaq kważi €600 miljun. Dan huwa pass li intlaqa' b'mod pożittiv mill-unjins, għax anke jekk dawn huma flus li ħerġin mill-Kaxxa ta' Malta u allura minn ximkien iridu jiġu, minn naħa l-oħra qed iwasslu biex il-kontijiet tad-dawl u l-ilma ma jogħlewx b'mod astronomiku bil-konsegwenza li wara pandemija n-negozji jerġgħu jieħdu daqqa finanzjarja liema bħala, li twassal għal problemi ta' kompettitività u għal reazzjoni inflazzjonarja (oħra) qawwija. 

Il-mistoqsija dejjem tibqa' dik relatata mas-sostenibbilità finanzjarja u kemm il-pajjiż jiflaħ jibqa' joħroġ ftit aktar minn €600 miljun oħra biex joħloq dan il-"cushion" - sa ċerta punt artifiċjali - li jagħmel tajjeb għal dan is-sussidju tal-enerġija. Il-Ministru stess spjega kif dawn is-sussidji qed jiswew lill-pajjiż xejn inqas minn €70,000 kull siegħa, ewro minn kull 10 li jonfoq il-Gvern u allura 10% tan-nefqa totali tiegħu.  

Biżżejjed ngħidu li bis-sussidji ta' din is-sena u dawk tad-dieħla l-pajjiż kien jibni żewġ Sptarijiet Ġenerali oħrajn bħal Mater Dei (li sewa' €583 miljun).  

Il-Ministru waqt il-baġit diġà għadda ċerta mesaġġi ċari li dawn is-sussidji jfissru illi l-Gvern mhux se jifdallu wisq flus u allura jkun ifisser li hemm bżonn "dixxiplina fl-amministrazzjoni tal-pajjiż." 

Mela allura l-mistoqsija tiġi waħedha: Kemm nifilħu nibqgħu noħorġu dawn il-flus? Sena, sentejn? U dawn is-€600 miljun minn liema proġetti se jinqatgħu? 

Il-COLA u kollox se jibqa' jogħla? 

Biex jilqa' għall-għoli tal-prezzijiet - l-akbar fl-aħħar 22 sena minħabba ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel - il-Gvern ħabbar diversi miżuri: Cola ta' €9.90 li fil-fatt hija l-ogħla fl-aħħar 22 sena, €12.50 żieda fil-ġimgħa għall-pensjonanti, ċekk għal dawk kollha li jaqilgħu inqas mill-paga medjana ta' €17,796, ċekkijiet ta' rifużjoni tat-taxxa u żieda ta' €90 fiċ-children's allowance. Il-Gvern ħabbar ukoll aġġustament fil-pensjoni tar-romol, żieda fl-għajnuna lil persuni coeliac, żieda qawwija ta' €4,000 fil-Carers Grant u aktar. Dawn huma kollha miżuri li indirettament qed jagħtu ftit soljev finanzjarju quddiem realtajiet inflazzjonarji qawwijin li qed jimpattaw mhux ftit lill-but tal-ħaddiem bħalissa.  

Il-mistoqsija hija - u din mhux indirizzata fil-baġit: Iż-żieda qawwija ta' €9.90 fil-COLA għall-ħaddiema kollha se twassal għal mewġa ġdida inflazzjonarja?  

Biex nagħtu eżempju. Kumpanija li tħaddem 30 persuna full time (kumpanija żgħira/medja) se tara l-ispiża tal-pagi tiżdied b'€515 kull ħaddiem f'sena, u allura żieda ta' €15,450 għal 30 ħaddiem - li tiġi ekwivalenti għal paga oħra.  

Issa jekk din iż-żieda se tgħaddi fuq il-prezzijiet tas-servizz jew inkella tal-prodott wieħed jistenna li l-COLA twassal għal mewġa oħra inflazzjonarja li tkompli ddgħajjef mis-saħħa tal-pagi. U allura l-mistoqsija hija: Deħlin f'ċirku vizzjuż? 

Il-Ministru naturalment tkellem kontra l-idea tal-kontroll tal-prezzijiet u  wera' kif dan ma jaħdimx għax jekk prodott minn barra issa ġie jiswa €1.10 għall-importatur, dak l-importatur mhux se jbiegħu €1 għax il-Gvern hekk jimponi u allura jispiċċa ma jġibx dak il-prodott. Sitwazzjoni li twassal għall-iskarsezzi. 

Tajjeb iżda li ninnutaw li fejn jidħol l-ikel - speċjalment qmugħ, ħaxix u frott - il-politika tal-Gvern mhux eżattament qegħda tħeġġeġ biżżejjed sitwazzjoni fejn il-pajjiż ikun self-sufficient għax ikollu settur agrikolu, kif ukoll dak tat-trobbija b'saħħtu.  

Dan il-baġit jonqos milli jagħmel aċċenn dwar dan il-punt tant importanti: Kif qed ngħinu lill-bdiewa u naċċertaw li l-agrikoltura tkun b'saħħitha biżżejjed biex tipproduċi aktar? Kif qed ikun assigurat li art agrikola mitluqa tinħadem? Kemm qed issir promozzjoni ta' laħam prodott minn annimali mrobbijin f'Malta?  Kemm qed tingħata għajnuna u ssir promozzjoni tal-industrija tal-inbid lokali u dik taż-żebbuġ għal produzzjoni taż-żejt? 

Fi ftit kliem: X'qed jagħmel il-Gvern biex Malta tkun self sufficient u indipendenti kemm jista' jkun fil-produzzjoni ta' ċerta tip ta' ikel? Biex jekk jerġa' jkollna xi pandemija jew kriżi ma niddependux mill-katina kollha tal-importazzjoni li tfisser illi prodott li tixtri hawn Malta ikun €1 aktar mill-istess prodott Sqallija? 

Iktar kemm niddependu fuq il-barrani għall-ikel, iktar se nibqgħu niffaċċjaw inflazzjoni u spejjeż relatati mal-importazzjoni, fost oħrajn. 

L-ambjent: Laqta' tajba aħdar... Iżda l-vera pjaga kulħadd jaf x'inhi! 

Dan il-Baġit kellu laqta' tajba ta' aħdar fih, fis-sens li hemm elenku twil ta' inizjattivi li ttieħdu. Fost dawn hemm il-ħidma fuq it-tieni interconnector, żieda ta' 1,200 charging point għal karozzi elettriċi, proġetti ta' urban greening, xogħol fuq il-Park tal-Inwadar u spazju miftuħ minflok l-impjant ta' riċiklaġġ f'Wied il-Għajn, il-proġett ta' tkabbir u titjib fil-Park Nazzjonali f'Ta' Qali u elenku ta' proġetti li għaddejjin jew se jibdew u li huma relatati mal-imminiġġjar tal-iskart. Fost dawn hemm il-Multi-Material Recovery Facility li se tiftaħ is-sena d-dieħla u li se titratta diversi materjali li kieku kienu jispiċċaw fil-miżbla, proġett ta' €50 miljun f'Organic Processing Plant, Tariffi ġodda mill-1 ta' Jannar li ġej għal kull min ikun qed idaħħal skart mhux isseparat fil-miżbla tal-Magħtab, il-Material Recovery Facility li se tiftaħ fil-ġimgħat li ġejjin u l-proġett tal-EcoHive (inċineratur). 

Minkejja dan, il-problema fl-ambjent kulħadd jaf li ġejja minn deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità tal-Ippjanar u l-policies ta' Gvernijiet sussegwenti matul is-snin - primarjament it-tkabbir fil-konfini tal-iżvilupp minn Gvern Nazzjonalista li ta artijiet sħaħ li ma kinux se jkunu żviluppati għall-iżvilupp - kif ukoll il-politika rurali taħt Gvern Laburista li waslet biex ħafna bdew jgħaddu minn nuqqasijiet fil-liġi biex b'hekk għorfa issir villa (jew lukanda wkoll) f'nofs widien u anke artijiet barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ). Dan apparti żvilupp li jkun hemm parir li ma jingħatax permess għalih u l-permess xorta jingħata 

Fuq dan il-baġit ma qal xejn.  

Il-problema ambjentali wkoll hija dik marbuta mar-rata ta' kostruzzjoni li għaddejja fl-urban u allura t-trabijiet, l-istorbju, it-traffiku li dan ix-xogħol joħloq kif ukoll il-mard respiratorju li tikkawża arja mimlija trab. Dan flimkien mal-fatt li Malta hija fost l-aktar pajjiżi b'densità għolja fid-dinja u ż-żieda fil-popolazzjoni, qed iwasslu wkoll biex aktar nies iħossu sens ta' klawstrofobija u għeluq. 

Sondaġġ fuq din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda wera' wkoll kif 64.5% tal-poplu huwa inkwetat ħafna bis-sitwazzjoni tal-bini fil-pajjiż. 

U finalment l-problemi ambjentali huma wkoll frott in-numru ta' karozzi fit-toroq tagħna, punt li jwassalna għas-sezzjoni li jmiss! 

Karozzi, traffiku u alternattivi xejn! 

Jekk il-but u l-ambjent qed jinwkieta lin-nies - mhux wisq inqas it-traffiku, li jvarja: F'xi ġranet tgħaddi riħ u f'oħrajn tibda tiddispra mal-isteering u qisek ma int se tasal qatt.  

Dan il-baġit ftit li xejn jgħid u jitkellem dwar din il-problema.  

Ifakkar li l-Gvern għaddej bi proġetti kbar ta' toroq - bħal Marsa u s-Central Link li tlestew u oħrajn fl-Imrieħel u Ħal Luqa - iżda mbagħad jgħid biss li se tibda diskussjoni biex ċerti servizzi ma jingħatawx qabel id-9:00 a.m.  

Filwaqt li din id-diskussjoni wieħed irid jara kif se tiżviluppa, il-problema tat-traffiku tista' tinqasam fi tnejn: L-ewwelnett in-numru ta' karozzi li hawn fil-pajjiż, speċjalment fil-kuntest taċ-ċokon tiegħu u t-tieni sfida hija trasport alternattiv.  

Il-Gvern (la dan u lanqas ebda wieħed ieħor) fl-ebda ħin qatt ma kellu politika serja u maħsuba li tiskoraġġixxi l-użu tal-karozza. Anzi l-politika hija li jitwessgħu t-toroq, sabiex ikun hemm aktar użu mhux inqas (inti tkabbar it-toroq ħalli joqgħodu aktar!).  

Imbagħad hemm it-trasport pubbliku. Dan għamel passi ta' ġgant 'il quddiem meta tqabblu mas-sistema l-antika (qabel l-Arriva) u anke meta tqabblu mas-servizz qabel ma bdew joperawh l-Autobuses De Leon. Minkejja t-titjib (anke jekk il-puntwalità ta' ċerti rotot għadha batuta) il-fatt jibqa' li fuq it-toroq ma hemm ebda inċentiv - lanqas wieħed - biex taqbad tal-linja u dan għaliex ma hemmx karreġġjati li huma ddedikati għat-trasport pubbliku, anke fejn hemm post biex dawn isiru. Anke f'toroq li twessgħu, dan it-twessigħ sar kważi dejjem biex ikunu akkomodati l-karozzi. Dan ifisser li jekk hemm it-traffiku tal-linja se teħel fih, mhux se tibqa' għaddejja minn karreġġjata apposta.  

B'hekk l-użu tat-trasport pubbliku qatt ma jista' jilħaq il-potenzjal tiegħu kif inhu, għax traffiku bi traffiku ħafna se jippreferu jużaw il-karozza privata tagħhom. Jekk l-użu tat-trasport pubbliku ma jkunx prijoritizzat jew inkella ma jingħatax privileġġ fuq il-karozzi - permezz ta' karreġġjati kull fejn possibbli (fuq toroq eżistenti u karreġġjati ġodda) biex jaqbeż it-traffiku - il-poplu mhux se jmur għat-traaport pubbliku, b'xejn jew le! 

Minn naħa l-oħra l-Baġit b'mod assolut injora trasport alternattiv tal-massa u trasport alternattiv ieħor, kemm jekk trasport tal-massa bħal metro u anke trasport bil-baħar.  

Huwa għalhekk Baġit nieqes mill-viżjoni fuq din l-isfida. 

Il-proprjetà: L-għajnuna qed tingħata imma l-prezz... Tiela', tiela' u tiela' 

U finalment hemm il-proprjetà, problema li dejjem qed tikber hekk kif dejjem aktar nies qed isibuha diffiċli jekk mhux kompletament impossibbli li jsiru sidien ta' darhom, b'aktar nies kostretti jibqgħu jgħixu għand il-ġenituri.  

Dan il-Baġit - bħal dawk preċedenti - ikompli jagħti għajnuniet lil dawk li qed jixtru proprjetà permezz ta' skemi bħal First u Second Time Buyers li mhux biss kienu mfaħħra imma li wasslu wkoll biex is-suq tal-proprjetà jieħu imbuttatura tajba ħafna fl-aħħar snin. Permezz tagħha mijiet ta' koppji u individwi ffrankaw eluf ta' ewro minn fuq taxxa tal-boll.  

Din id-darba l-Gvern nieda wkoll skema oħra li hija dik li permezz tagħha l-Gvern se jħallas sa €10,000 lil persuna jew koppja li tkun First Time Buyer minn fuq is-self li tieħu fuq il-proprjetà. Ġiet estiża d-Deposit Payment Scheme għal proprjetajiet sa massimu ta' €225,000 li permezz tagħha il-Gvern isellef l-10% depożitu fuq il-proprjetà u żdied b'€100 il-Capping tal-benefiċċju tal-kirjiet privati. 

Dan huwa kollu tajjeb u għajnuna importanti li tagħmel differenza. Naturalment il-Gvern sa hemm jista' jagħmel - apparti l-irwol u d-dover tiegħu li jipprovdi housing soċjali lil vulnerabbli. Ma jistax jiddetta l-prezz ta' proprjetà. Imma fl-aħħar mill-aħħar huwa dan il-prezz li qed jagħmilha dejjem aktar diffiċli biex ħafna nies - speċjalment dawk li jaqilgħu inqas mill-paga medja u dawk li huma single - jixtru proprjetà. Il-valur tal-proprjetà tela' b'eluf u llum dar jew appartament tinbigħ anke sa €50,000 aktar milli kienet tinbigħ ħames snin ilu.  

Filwaqt li dan huwa tajjeb għal min huwa sid, huwa diffikultuż ħafna għal dawk li jaqilgħu €1,200 fix-xahar, per eżempju, illi jekk jixtru proprjetà waħedhom b'dik il-paga fl-età ta' 30 sena ma għandhomx ċans li jingħataw self mill-bank li bih jixtru proprjetà diċenti.  

More in Politika