Carmel Borg | 'Jiena Malti u llitterat. Jiena VIP': Il-politika provinċjali li qed tifga' lill-pajjiż

Mhux kemm taf. Imma lil min taf' jgħid il-Malti u l-Professur Carmel Borg jieħu spunt mix-xhieda li trattat l-iskandlu fi TM biex ifakkar fid-dannu li qed isir lil pajjiżna bil-politika provinċjali ta' patrunaġġ...

Rapport mill-Qorti mtella’ fis-27 ta’ Settembru, mis-sit elettroniku illum.com.mt, mhux biss jitfa’ dawl fuq l-aħħar minn serje twila ta’ skandli li nawwru l-kredibilità ta’ Transport Malta, iżda jkompli jdawwal dak li nafu dwar ir-relazzjoni bejn il-politikant, iċ-ċittadin, u l-istituzzjonijiet li donnhom qegħdin hemm biex iservu mhux biss lill-klijenti leġittimi tagħhom iżda wkoll lill-klijenti tal-politikant li donnu ma jafx jiddistingwi bejn il-ħanut tal-merċa fir-raħal, fejn jidħol b’kunfidenza għax għar-raħal huwa ras kbira, u istituzzjonijiet li huma mistennija li jservu bi dritt, indipendenza u effiċjenza, u mhux bi pjaċir.  

Qed nirreferi għar-rapport ta’ Albert Gauci Cunningham, bit-titlu ‘Jekk ma tgħaddihx lil dan wieġbu int lill-Ministru’ – Hekk qalulu lill-eżaminatur tat-testijiet tas-sewqan.'  

Laqatni mument partikolari fix-xiehda li ngħatat fil-Qorti, meta x-xhud rrefera għal klijent illitterat tal-politikant bħala klijent VIP.  Hawnhekk, jidher li għandna każ fejn il-vassal-illitterat qiegħed ifittex il-kenn tas-sid-patrun biex jagħmillu tajjeb għan-nuqqas ta’ ħiliet bażiċi tiegħu. 
Filwaqt li jista’ jkun li b’ġest bħal dan il-politiku jkun qiegħed isaħħaħ il-lealtà tal-vassal-suldat fi gwerra kontinwa kontra l-għadu politiku, interessanti kif f’din il-logħba politika, li issa laħqet livelli assurdi, l-isfreġju tal-illiterizmu donnu sar preġju, hekk kif wieħed minn dawk li ħakkew ġobniethom mal-ħakkieka tal-protettur tar-raħal, talab biex jiġi kkumpensat għall-illiteriżmu tiegħu, u għamel dan minn pożizzjoni soċjali ta’ persuna importanti ħafna (VIP).  F’dan il-każ, il-privileġġ ma joħroġx minn preġji meritokratici (anke jekk burgiżi) marbuta mal-illużjoni li s-suċċess huwa esklussivament espressjoni ta’ ħeġġa u kwalitajiet personali,  iżda mill-fatt li, għalkemm ilitterat, it-tali huwa qrib tal-politikant (jew tar-ragħaj li jindukralu l-merħla). U la l-klijent jidher li huwa qrib il-politikant, huwa importanti elettoralment ħafna aktar minn ħafna persuni litterati li mhux biss m’għandhomx bżonn il-patrunaġġ tal-baruni tar-raħal iżda wkoll, f’għajnejn il-baruni, huma aktar żellieqa fil-lealtà elettorali tagħhom.  

Jien Malti u illitterat, jien VIP  

Il-ħiliet bażiċi, is-sovranità u l-ħelsien ftit li xejn għandhom relevanza fil-kuntest tal-ekonomija neo-medjovali tal-patrunaġġ, fejn huwa possibbli li wieħed imiss mal-politiku u dlonk isir persuna mill-aktar importanti.  F’kuntest fejn il-ħbiberija mal-politikant hija mixtieqa u tirrendi, id-demokrazija titlef ħafna mis-saħħa, hekk kif il-prinċipji u l-valuri marbutin ma’ demokrazija b’saħħitha jiddewbu fil-forġa tal-politikant-patrun.  

L-istorja msemmija fir-rapport għandha ħafna aktar implikazzjonijiet minn sempliċi pjaċir mhux mistħoqq.  

Wieħed jinnota l-vjolenza fil-forma ta’ theddid, li jekk ma jsirx kif qiegħed jagħmar il-patrun, xi ħadd, x’aktarx dak li jista’ jaqdi minn ġewwa, se jkollu jiffaċċja l-patrun u jbati l-konsegwenzi.  Banditiżmu li jitpendel bejn it-theddid ta’ vjolenza, anke jekk simbolika, u s-sospensjoni ta’ dak kollu li huwa moralment korrett u legali, biex il-ġid komuni pubbliku jservi l-interess privat.  

Jidher li l-bandit m’għandux għalfejn iħabbel moħħu lil min se jaħtaf jew jisraq għax ġid il-poplu huwa dejjem fil-qrib ta’ min għandu l-poter, u disponibbli għal min irid jaħtaf minnu bla biża’.  Fl-istess ħin, “sakemm ma tiħux minn tiegħi”, “sakemm tħallini ndawwar Ewro bil-kwiet”, u “sakemm moħħi mistrieħ li meta nħabbat il-bieb tal-politikant se jinfetaħ għalija wkoll”, l-‘epidemija tal-indifferenza’ tibqa’ tagħti l-liċenzja lill-baruni tar-raħal biex ikompli jżomm f’idejh iċ-ċens tal-għalqa li tgħalfu elettoralment.  

'Minkejja li dħalna fl-UE l-status quo provinċjali se jibqa’ jifga lill-pajjiż fis-snin li ġejjin'

Fl-2004, ħafna kienu dawk li ħasbu li Malta se tibda proġett politiku ġdid.  Proġett li kellu jwassal għat-tmiem ta’ qafas politiku provinċjali, fejn il-baruni-politikant ma jibqax jiddomina b’politika territorjali, tal-parroċċa u fewdali.  Jidher ċar minn dan u episodji oħrajn li rajna fuq medda ta’ tmintax-il sena, li l-politikant ma jridx jibdel dan il-qafas, u jrid ikompli fejn ħallew dawk ta’ qablu, jiġifieri li jgħix il-ħajja ta’ politikant provinċjali u insulari filwaqt li jippretendi li huwa msieħeb attiv fi proġett kożmopolitan u internazzjonali. Imkennen f’fosdqa medjokri, frott l-istess provinċjaliżmu li jiddomina x-xenarju politku Malti, il-politikant baruni la għandu l-interess u lanqas is-sigurtà personali li joħroġ mill-fosdqa medjokri biex jifhem il-ħsara permanenti li qiegħda ssir lill-pajjiż, kemm internament kif ukoll internazzjonalment.   Għax il-bidla paradigmali hija proċess kulturali u mpenn intellettwali u azzjonali fit-tul, u għaliex il-politikant, li jokkupa pożizzjoni għolja fil-ġerarkija tar-raħal, mhuwiex ippożizzjonat bħala intelletwali organiku ta’ qafas politiku li mhuwiex, nistgħu nserrħu moħħna li l-status quo provinċjali se jibqa’ jifga lill-pajjiż fis-snin li ġejjin.  Dan ifisser imblokk għall-possibiltà ta’ bidla sostanzjali fir-relazzjonijiet politko-soċjali tal-pajjiż.  

Iċ-ċarlatanizmu politiku, li jagħmilha possibbli li r-ram isir deheb, li ċ-ċenteżmu jitkattar f’balal tal-Ewro f’ħakka t’għajn, li l-għorfa ssir villa, li l-illitterat jgħaddi mit-test tat-teorija u minn kull eżami li jitlob profiċjenza ta’ lingwa, li s-sewwieq jakkwista l-liċenzja mingħajr ma jitla’ għat-test tas-sewqan, li ċ-ċitazzjonijiet jitħassru, u stejjer oħra, għandu l-effett psikoloġiku kollettiv li jbaxxi qatigħ l-istima kollettiva tagħna bħala pajjiż, idarrina nistennew ftit li xejn minn pajjiżna, jaċċentwa is-sens ta’ fataliżmu (x’tagħmel, il-pajjiż hekk magħġun!), ikattar l-indifferenza u ċ-ċiniżmu, ibaxxi l-aspettattivi, u jaljena lin-nies li jistgħu jagħmlu xi differenza fl-arena politika.  Iċ-ċarlataniżmu jfaqqar pajjiż, kemm intellettwalment kif ukoll emozzjonalment.   

Il-frustrazzjoni ta’ min ġenwinament jixtieq il-bidla paradigmali, li mhix l-istess bħall-alternanza politika, fejn x’aktarx il-gwardji jinbidlu biex il-qafas politiku jibqa’ l-istess, toktor meta fl-analiżi tintlemaħ doża qawwija ta’ falzità li toħroġ mill-fatt li r-relazzjoni soċjali bejn is-sid u l-vassal hija waħda ta’ konvenjenza.  Għalkemm jidhru li qegħdin jiggwadanjaw minn xulxin, ħafna drabi ma jokkupawx l-istess pożizzjoni/ġeografija soċjali.  L-aspirazzjonijiet, l-interessi u, allura, kif iġarrbu u jaqraw id-dinja dawk li jmexxu u ħafna minn dawk li jinqdew huma differenti.    Dan il-fatt, flimkien ma’ nuqqas ta’ preparazzjoni intellettwali, filistiniżmu teoretiku, ħsibijiet eklettiċi, disorganizzati u kontraditorji, u  nuqqas ta’ fehem u apprezzament tal-importanza tal-litterizmu kritiku u l-formazzjoni politika fuq livell popolari, jagħmilha diffiċli biex jinbena  front nazzjonali għall-bidla.  Fl-istess ħin, Il-baħħ politiku, in-nuqqas ta’ preżenza tal-intellettwali fl-isfera pubblika u, b’mod ġenerali, in-nuqqas ta’ ‘sapere aude’,  jagħmluha aktar faċli biex l-politikant predatur jistagħna b’politika provincjali mibnija fuq is-suq tal-pjaċiri.  

L-impressjoni tal-provinċjaliżmu lokali hija ħafna aktar mifruxa milli naħsbu

Mill-esperjenza internazzjonali ta’ 35 sena, nista’ ngħid li kull meta l-barrani jiltaqa’ ma’ ċarlatan mbuttat mill-baruni politiku Malti, l-impressjoni ta’ pajjiż provinċjali tibqa’ stampata f’moħħ il-barrani.  Filfatt, sikwit ikolli mistoqsijiet minn kollegi barranin dwar funzjonarji Maltin li jidhru mitlufin fl-irwol tagħhom.  Ħafna drabi, it-tweġibiet tiegħi ma jaħsduhomx, li tfisser li l-impressjoni li għandhom ta’ Malta tkun waħda diġà nfurmata u ffurmata.  L-effett tal-provinċjaliżmu politiku Malti jinħass minn distanzi twal u f’irkejjen fejn aħna naħsbu li ċ-ċarlataniżmu tagħna ma jinqabadx mir-radar.  

Fid-dawl tal-iżviluppi riċenti fil-qasam tal-attiviżmu soċjali, huwa ovvju li t-tama għal trasformazzjoni fir-relazzjonijiet soċjali bejn il-politiku u ċ-ċittadin trid tiġi minn barra l-apparat tal-Istat.  Jidher ċar li l-politiku attiv fil-qafas eżistenti m’għandu l-ebda interess li jċaqlaq l-ilmijiet.  

L-irwol tas-soċjetà ċivili fil-missjoni għall-bidla

L-attivisti fis-soċjetà ċivili, ħafna minnhom klassi medja, iridu joqogħdu attenti li ma jieħdux attitudni vangardista fil-konfront tan-nies, u ma jimponux il-bidla jew jużaw lin-nies bħala għamara għall-aġenda tagħhom.  

Il-pedagoġija tal-bidla m’għandha qatt titbiegħed mill-għan fundamentali tagħha, dak li tissaħħaħ id-demokrazija permezz ta’ parteċipazzjoni attiva u popolari, b’kontenut riflessiv li jwieġeb għal temi li jolqtu direttament lin-nies, u mwaħħad ma’ azzjoni diretta.   Kardinali fil-mixja formattiva tas-soċjetà ċivili hija d-diskussjoni dwar: it-tifsira ta’ l-Istat demokratiku, ġust u inklussiv; ir-rabta bejn il-poter, l-Istat u l-eġemonija; l-Istat kożmopolitan; u t-tifsira ta’ pedagoġija tat-tama u possibilità mibnija man-nies u mhux għan-nies.  

Mingħajr formazzjoni intellettwali  kontinwa fuq livell popolari, in-nies se jibqgħu jiġru minn mikro-attività u azzjoni għal oħra mingħajr għarfien serju, ‘l hinn mill-partitokrazija, ta’ kif jaħdem l-apparat attwali tal-Istat, l-interessi dominanti li jinfurmaw l-azzjoni tal-Istat, u kif l-apparat tal-Istat jirnexxielu iżomm il-kunsens ta’ poplu, speċjalment ta’ dawk imweġġgħin mill-Istat innifsu. 

Il-frammentazzjoni fis-soċjetà civili, l-interessi partikolari u specjalizzati jimmilitaw kontra front popolari, unit, u organiku għal bidla fundamentali.  Sakemm is-soċjetà ċivili tibqa’ kollezzjoni ta’ interessi speċjalizzati, se tibqa’ mbegħda l-possibilità ta’ bidla radikali ta’ Stat marradi, li la għandu l-istamina u lanqas il-kuraġġ morali li jinbidel.  Il-politiku se jibqa’ politikant.. 

More in Politika