Baġit 2023 | 'Il-Gvern indirizza l-aktar sfidi immedjati imma hemm bżonn ta' viżjoni fit-tul' - MEA

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem tisħaq li fid-dawl ta' sfidi li qed jiffaċċja huwa importanti li l-Gvern iżomm in-nefqa tiegħu taħt kontroll u ma jaħlix flus inkluż f'impjiegi 'mhux produttivi' fis-settur pubbliku

Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-Baġit 2023, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) qalet li l-Gvern qed jindirizza l-aktar sfidi immedjati iżda insistiet li dan kellu jkun akkumpanjat minn viżjoni ekonomika fit-tul.

Fost oħrajn, l-MEA qalet li l-Baġit kellu jaħseb għal stateġija dwar ir-riżorsa umana bbażata fuq l-istħarriġ li qed isir dwar il-ħiliet tal-ħaddiema u anke pjan ta’ trasformazzjoni ekonomika biex ikun masimizzat il-potenzjal ekonomiku tal-pajjiż, filwaqt li tkun issalvagwardjata l-kwalità tal-ħajja.

L-MEA nnuttat li l-prijorità tal-Gvern kienet li jerfa’ fuqu l-piż taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u jżomm stabbilità ekonomika u l-kompettività. Qalet li dan kien neċessarju meta tqis li pajjiżi oħra qed jesperjenzaw rati għolja mmens ta’ inflazzjoni.

Insista wkoll li l-Baġit qed jassigura aktar dixxiplina fin-nefwa tal-Gvern filwaqt li ħa l-miżuri neċessarji biex jipproteġi l-familji mingħajr ma jitfa’ piż żejjed fuq in-negozji. 

“Dan jidher li ħa preċedenza fuq in-nefqa kapitali,” innutat l-Assoċjazzjoni.

Qalet li tifhem ukoll li fis-sitwazzjoni preżenti, il-Gvern ma tatx għandu fejn jiċċaqlaq fiskalment u propju għalhekk li saħqet li huma imperattiv li l-Gvern jibqa’ jżomm dixxiplina fin-nefqa tiegħu u jwaqqaf nefqa żejda, inkluż f’impjiegi “mhux produttivi” mas-settur pubbliku, fost oħrajn.

Dwar l-Air Malta, l-MEA qalet li huwa imperattiv li l-pajjiż ikollu l-linja nazzjonali tiegħu u għalhekk appellat biex din tibda titmexxa fuq bażi kummerċjali, lilhinn minn kull indħil politiku li jista’ jkun hemm.

More in Politika