Baġit 2023 | 'Għall-ewwel darba Caruana qiegħed jikkonferma li aktar minn 80,000 ruħ huma foqra'

L-ADPD jgħid li l-Gvern 'qed iwebbes rasu' u jagħti handouts bħal Father Christmas minflok inaqqas id-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali 

"Il-benefiċċju ta’ COLA addizzjonali mħabbar fil-Baġit huwa mod ta’ kif inraqqu l-pannu bil-qara ħamra meta diġà jeżisti mekkaniżmu li jista’ jkun aġġornat biex jirrifletti il-ħtiġijiet ta’ kulħadd, inkluż dawk dipendenti fuq is-servizzi soċjali."  Hekk qal iċ-Chairperson tal-ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo fl-ewwel reazzjonijiet tal-partit għall-Budget 2023.

Żied jgħid li għall-ewwel darba l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qiegħed jikkonferma li aktar minn 80,000 ruħ qegħdin jgħixu fil-faqar.

"Filwaqt li kompliet tissaħħah il-politika ta’ handouts ta’ Father Christmas ma smajna xejn dwar għajnuniet biex dawn l-individwi jtejjbu l-qagħda tagħhom biex ma jibqgħux jiddependu minn benefiċċji soċjali," qal Cacopardo. Kompla jgħid li għalkemm ir-realtajiet ġeo-politiċi li għaddejjin minnhom ma jista’ jmerihom ħadd, fil-baġit wieħed kien jistenna li jkun hemm aktar miżuri mmirati li jġibu tibdiliet permanenti fit-tul biex ikun hemm titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.

Qal li l-ħtieġa ta’ COLA addizzjonali jikkonferma dak li bħala partit ilhom jisħqu fuqu, li l-mekkaniżmu għandu bżonn jiġi aġġornat biex jirrifletti l-ħtiġijiet tal-lum u li "l-mekkaniżmu preżenti huwa difettuż bil-kbir." Madankollu jemmen li "r-ras iebsa tal-Gvern li ma jirrevedix il-basket li fuqu hija ikkalkulata il-paga minima hija politika skaduta li żżomm dipendenza fuq pagi baxxi u handouts." 

Saħaq ukoll li wieħed irid iżomm f’moħħu li l-COLA effettivament toffri kumpens b’lura għall-impatt tal-inflazzjoni fuq il-pagi u l-pensjonijiet. "Meta għandek rata ta’ inflazzjoni sostanzjali jfisser li żieda għall-għoli tal-ħajja ta’ darba fis-sena mhux sodisfaċenti imma għandha tinqasam fi tnejn – f’Lulju u f’Jannar," qal Cacopardo. 

Fir-rigward tas-sussiddji tal-enerġija Cacopardi jemmen li fid-dawl tal-isfidi li qed naffaċċjaw internazzjonalment bħalissa, din setgħet tkun opportunità unika biex il-Gvern jinkorraġixxi tibdil fl-istil tal-ħajja li jkun wieħed aktar sostenibbli.

Qal li "in-nefqa preżenti hija kawża ta’ traskuraġni fil-qasam tal-enerġija u nuqqas massiċċ ta’ investiment tul is-snin f’enerġija rinovabbli. Dawk is-setturi ekonomiċi li huma dipendenti ħafna fuq l-użu tal-petrol jew id-diesel jistgħu jiġu mgħejuna direttament b’assistenza speċifika li tikkonsidra dawk il-ħtiġijiet."

Temm jgħid li għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar għal kulħadd hemm bżonn li jkun hemm "użu aktar għaqli tar-riżorsi limitati li għandu pajjiżna." ADPD jemmen li dan il-Baġit seta’ jkun immirat aktar biex jieħu l-ewwel passi għal titjib fil-livell ta’ għajxien ta’ kulħadd b’mod permanenti.

More in Politika