Baġit 2023 | L-MUMN iddiżappuntata u tgħid li l-Gvern injora għal kollox il-bżonnijiet tal-pazjenti

L-MUMN qalet li kienet qed tistenna li l-Baġit se jindirizza n-nuqqas ta' spazju f'Mater Dei u l-fatt li pazjenti qed ikollhom jitpoġġew f'kurituri, fil-librerija medika u fil-canteen tal-ħaddiema

Il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel qalet li l-Baġit 2023 huwa wieħed diżappuntati ferm għas-settur tas-saħħa. Fi stqarrija, l-MUMN qalet li l-pajzenti f’Mater Dei xorta waħda se jibqgħu jitpoġġew fil-kurituri, il-librerija medika u fil-canteen tal-ħaddiema għax il-Baġit naqas milli jalloka l-investiment neċessarju biex dawn iż-żoni ‘inumani’ jingħalqu darba għal dejjem.

L-MUMN qalet li kienet qed tistenna li l-Gvern kien se jħabbar il-bini ta’ swali ġodda għax fakkret li bħalissa hemm xejn inqas minn erba’ kurituri li qed jintużaw bħals swali u dan apparti l-canteen tal-istaff u l-librerija medika.

“Swali ġodda kienu jkunu l-aqwa investiment fis-settur tas-saħħa li kellu jingħata prijorità,” qalet l-MUMN li insistiet li l-Gvern injora għal kollox il-bżonnijiet tal-pazjenti u anke l-fatt li l-popolazzjoni qiegħda dejjem tiżdied. 

Fi kliema, id-defiċit sar aktar importanti mis-saħħa tal-Maltin.

Qalet ukoll li l-Baġit naqas milli jindirizza s-sitwazzjoni fl-Ispter Mount Carmel u insistiet li s-saħħa mentali huwa fattur important li għal diversi snin ingħata l-ġenb.

Insistiet li l-Baġit falla milli jindirizza n-nuqqasta’ infermiera u ma għamel l-ebda referenza għal din l-isfida.

“Il-Baġit imbagħad irriċikla investimenti” li kienu tħabbru f’Baġits preċedenti imma li fl-aħħar mill-aħħar qatt ma bdew aħseb u ara kemm tlestew,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika