Baġit 2023 │ Grech iwiegħed li se jiżvela aktar dwar is-soluzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja bħal lum ġimgħa

'Mhux ta' b'xejn il-bagalja saret ħamra, għax Caruana ġab lill-pajjiż in the red' - Bernard Grech 

"Mhux ta' b'xejn il-bagalja saret ħamra għax Caruana ġab lill-pajjiż in the red." Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech b'reazzjoni għall-baġit tal-2023, imħabbar mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana. Grech saħaq li dan il-Baġit ma jindirizzax il-kwistjonijiet li veru jolqtu lin-nies u li għandu ħafna kliem sabiħ iżda ma joffri l-ebda soluzzjoni, partikolarment fir-rigward tal-kwalità tal-ħajja tan-nies. 

Mistoqsi mis-sit illum.com.mt x'miżuri kien jieħu hu, bħala Prim Ministru, biex jindirizza l-għoli tal-ħajja li ma kienux imsemijja fil-baġit huwa wieġeb li se jkun qiegħed jiżvela aktar dwar is-soluzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja bħal lum ġimgħa. 

Fil-fatt huwa qal lil dan is-sit li huwa minnu li dan il-pajjiż għadu ħiereġ mill-pandemija,"pero huwa minnu wkoll li dan huwa Gvern li m'għandux pjan ekonomiku li jaħseb fit-tul. Il-Ministru Caruana ammetta li kien żball il-pjan ekonomiku li jġib lin-nies biss biex ikompli jżid il-konsum." 

Grech sostna li l-Gvern naqas milli jindirizza kwistjonijiet importanti oħra fosthom is-saħħa mentali, kriminalità, l-ambjent u t-traffiku. "Il-Ministru qal li ċertu servizzi mhux se joħorġu fid-9:00a.m. It-traffiku issibu l-ġurnata kollha."

Grech staqsa wkoll, "ċertezza u stabbilità? Staqsi lill-ħaddiema tal-Airmalta."

'Dan hu baġit kożmetiku' 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni żied jgħid li l-baġit għas-sena d-dieħla jinkludi fih "għajnuna kosmetika li joħodlok minn but biex jitfa' f'ieħor."

Żied jgħid li bħala Oppożizzjoni jaqblu mal-għajnuniet tal-enerġija u għall-anzjani. "Però l-anzjan li mingħalih se jieħu żieda ogħla ma qallux li filwaqt li ż-żieda għall-pensjonanti s-sena li għaddiet kienet €3.25 u llum hija ta' €2.60. Ma qallux li ż-żieda fil-pensjonijiet tar-rogħmol fis-sena 2020, kienet ta' €5 u għas-sena 2023 kienet ta' €3.54," qal Grech. 

Grech temm jgħid li l-Gvern naqqas €5 miljun mill-baġit allokat għat-turiżmu iżda "biex jagħmel id-dinosawri l-belt kellu flus. Il-Gvern qiegħed daru mal-ħajt u hu ġeneruż biss ma' dawk tal-qalba." 

More in Politika