Il-Kummissjoni Elettorali għadha ma rċevitx il-kontijiet awditjati tal-Partit Laburista għas-sena 2020 u għadha qed tevalwa l-kontijiet tal-istess partit għall-2019 minħabba li ġew ippreżentati tard ħafna.
Il-Kummissjoni kkonfermat dan mal-MaltaToday u qalet li sa issa kemm l-Alternattiva Demokratika, il-Partit Nazzjonalista, Imperium Europa, Għarb l-Ewwel, il-Partit Popolari u anke dak li kien il-Partit Demokratiku, kollha kemm huma ppreżentaw il-kontijiet tagħhom għall-2020.
Dawn bħalissa qed jiġu evalwati mill-awdituri tal-Kummissjoni Elettorali qabel eventwalment jiġu ppubblikati. Minkejja dan, dawk tal-Partit Laburista għadhom ma ġewx sottomessi.
Skont il-liġi għall-finanzjament tal-partiti, il-partiti kollha jridu jippreżentaw ir-rendikonti finanzjarji tagħhom sa mhux aktar tard minn April tas-sena finanzjarja ta' wara. Dan ifisser li l-Partit Laburista kellu jippreżenta dawn il-kontijiet fl-2021.
Apparti minn hekk, il-Partit Laburista ppreżenta l-kontijiet tiegħu tal-2019 f'Marzu li għadda u għalhekk dawn għadhom qed jiġu evalwati u mhumiex pubbliċi. Bil-liġi, dawn kellhom ikunu sottomessi fl-2020.
Il-kontijiet tal-Partit Nazzjonalista, li kienu wrew li għandu defiċit ta' €607,279, kienu ġew ippubblikati f'Mejju li għadda.