L-għadajjar f'Kemmuna... Ambjent Malta tirrijabilità għadajjar li kien inqerdu biex saru sit ta' kkampjar

Tħawwil ta' 1,000 siġra u arbuxell, jitneħħew arbli tad-dawl f'Wied l-Aħmar u l-ħolqien mill-ġdid tal-Għadajjar ta' Kemmuna

L-għadajjar f'Kemmuna rijabilitati
L-għadajjar f'Kemmuna rijabilitati

Il-ftit xita li niżlet mis-sajf ‘l hawn tat l-aħħar spinta li kien jonqos biex fl-inħawi tal-Bajja ta’ Santa Marija f’Kemmuna, jerġgħu jfiġġu l-għadajjar tal-ilma ħelu, li kienu għebu meta fil-passat din iż-żona bdiet tintuża għall-ikkampjar.

Dawn l-għadajjar kbar qed ireġġgħu lura l-ambjent naturali ta’ dawn l-inħawi, sabiex gradwalment jattiraw lejhom ħafna speċi ta’ flora u fawna li nsibu f’ambjenti naturali bħal dawn max-xatt, fosthom għasafar tal-passa. L-għadajjar huma fost l-aħħar xogħlijiet ta’ Ambjent Malta u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, sabiex jirriabilitaw iż-żoni naturali ta’ Kemmuna.

L-ambjent tal-għadajjar huwa rari ħafna f’pajjiżna u għalhekk jeħtieġ kull forma ta’ ħarsien possibbli. Bħala alternattiva għal dawk li kienu jiġu jikkampjaw f’din iż-żona, ERA ddedikat biċċa art oħra fejn jistgħu jarmaw il-kamp bla ma jikkawżaw ħsara ambjentali fiż-żona magħrufa bħala Tal-Ful, ftit passi ‘l bogħod.

Minbarra l-għadajjar ġodda, din is-sena l-ħaddiema ta’ dawn l-entitajiet ħawlu mal-1,000 siġra u arbuxell oħrajn biswit dawk li tħawlu fis-snin ta’ qabel. B’hekk, f’dawn l-aħħar snin tħawlu mat-18,000 siġra u arbuxell f’din il-gżira.

Tħawwil ta' siġar madwar l-għadajjar
Tħawwil ta' siġar madwar l-għadajjar

Din is-sena, Ambjent Malta qalgħet arbli tal-elettriku antiki li kienu qed ikerrhu l-pajsaġġ tal-inħawi ta’ Wied l-Aħmar, bniet mill-ġdid għadd ta’ ħitan tas-sejjieħ imġarrfa u rranġat l-ilqugħ tal-injam madwar l-għaram tar-ramel li nsibu f’din il-gżira, biex ma jittifsux.

Xogħlijiet simili saru wkoll madwar l-għorom tar-ramel fl-inħawi ta’ Bejn il-Kmiemen, jew kif inhi magħrufa aħjar, il-Blue Lagoon. Il-ħaddiema neħħew ukoll skart goff li ntrema f’Kemmuna matul is-snin.

Sadanittant, l-uffiċjali ta’ infurzar ta’ ERA din is-sena komplew iżidu l-preżenza tagħhom fuq Kemmuna, speċjalment fix-xhur tas-sajf. Dawn l-uffiċjali qed jgħinu biex jonqos l-iskart mormi b’mod irresponsabbli f’siti naturali, filwaqt li jiggwidaw lil dawk li jżuru l-gżira biex ma jimxux lilhinn mill-passaġġi, ħalli ma jagħmlux ħsara lill-pjanti u annimali żgħar li nsibu fix-xagħri.

Kemmuna hija rikka fil-bijodiversità, hekk kif fiha ssib diversi speċi rari kif ukoll dawk li huma ipperikolati. Minħabba f’hekk, hija protetta taħt il-liġijiet ambjentali nazzjonali, kif ukoll dawk Ewropej, bħala sit Natura 2000.

More in Politika