Il-Mexxejja tal-UE jaqblu li l-gass għall-Ewropa jinxtara b'mod konġunt

Dan il-mekkaniżmu se jgħin biex iwaqqa' l-prezz tal-enerġija globalment, simili bħal dak tax-xiri tat-tilqim kontra l-Covid-19

Il-mexxejja Ewropej qablu fuq mekkaniżmu għal xiri konġunt ta' gass u strateġija li tnaqqas l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-gass u l-enerġija. Dawn kienu wħud mill-konklużjonijiet ewlenin ta’ Kunsill Ewropew li tlaqqa’ fi Brussell fil-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa u li għalih attenda u pparteċipa l-Prim Ministru Robert Abela.

Fi tmiem il-laqgħat intensivi bejn il-mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru Malti saħaq li dak maqbul possibbilment jgħin ukoll lil Malta f’inqas spejjeż li qed joħroġ il-Gvern f’għajnuna biex il-familji u n-negozji qed jibqgħu jgawdu minn stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija.

Filwaqt li Malta hija koperta b’kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija li jagħtiha sigurezza, il-mekkaniżmu għal xiri konġunt ta’ gass se jgħin biex iwaqqa’ l-prezz tal-enerġija globalment, inkluża dik impurtata mill-interconnector li Malta għandha mal-Italja. Jiġifieri bħal ma kien sar fix-xiri tat-tilqim kontra l-covid-19. B’hekk, anke pajjiżna mistenni jgawdi minn dak maqbul.

Abela saħaq li għall-familji Maltin u Għawdxin se tibqa’ l-istabbiltà ekonomika u soċjali għaliex dawn se jibqgħu jgawdu minn prezzijiet stabbli tal-enerġija, li fuq din is-sena u s-sena d-dieħla tiżboq il-biljun ewro.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser it-tragward ewlieni li ntlaħaq fil-Kunsill Ewropew bħala pass fid-direzzjoni t-tajba iżda waqt id-diskussjonijiet appella biex il-Kummissjoni Ewropea tibqa’ ssegwi mill-viċin is-sitwazzjoni dwar il-prezz tal-gass u l-enerġija, u fejn meħtieġ tipproponi interventi li jimmitigaw żidiet. 

Barra minn hekk, pożittiv ukoll il-fatt li qed tiġi kkunsidrata aktar flessibbiltà fir-regoli fil-qasam temporanju tal-għajnuna li jistgħu jippermettu l-gvernijiet tal-istati membri biex jagħtu, permezz ta’ skemi ta’ assistenza, għajnuna sa massimu ta’ madwar €750,000 lill-entitajiet privati sal-aħħar tal-2023 f’diversi oqsma fosthom it-trasport u l-enerġija.

Il-Kunsill Ewropew iddiskuta wkoll regoli simplifikati għal permessi relatati ma’ proġetti ta’ enerġija rinnovabbli, b'Abela jisħaq li hawn ukoll, Malta mistennija tgawdi u tista’ tħaffef il-proċess tad-dikarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħha. Il-Prim Ministru rrimarka li l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġa investimenti f’enerġija rinnovabbli se jgħin ukoll fil-kompetittività tal-Unjoni u ta’ Malta. Dan apparti li l-konklużjonijiet isemmu wkoll investiment f’teknoloġiji li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Intant ilbieraħ il-President għall-Parlament Ewropew Roberta Metsola f'diskors waqt il-ftuħ tal-Kunsill Ewropew irrikonoxxiet li l-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-enerġija qed iwasslu għall-inflazzjoni li minn naħa l-oħra qed twassal għal inqas flus fil-but għall-familji u anke n-negozji. Fil-fattMetsola qalet ukoll li r-rati ta' interess u l-inflazzjoni qed iwasslu għal "tsunami li qed ikisser il-valur tad-djar tan-nies, pagi u baġits nazzjonali."

More in Politika