Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola f'diskors waqt il-ftuħ tal-Kunsill Ewropew irrikonoxxiet li l-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-enerġija qed iwasslu għal inflazzjoni li minn naħa l-oħra qed twassal għal inqas flus fil-but għall-familji u anke n-negozji. Issa jmiss li anke l-banek u s-settur finanzjarju jitpoġġew taħt pressjoni, hekk kif self ogħla jwassal għal impatt fuq is-suq tal-proprjetà, kompliet tgħid Metsola illi qalet ukoll li r-rati ta' interess u l-inflazzjoni qed iwasslu għal "tsunami li qed ikisser il-valur tad-djar tan-nies, pagi u baġits nazzjonali."
Metsola qalet illi ċ-ċittadini ewropej huma inkwetati bl-effetti tal-gwerra li r-Russja bdiet kontra l-Ukrajna u qalet li n-nies qed iħarsu lejn l-ewropa għad-direzzjoni. Għalhekk hija sostniet li hemm bżonn illi l-Ewropa tieħu azzjoni aktar malajr u b'intensità akbar. "Dan huwa l-każ fl-enerġija. Anke jekk aħna ninsabu f'pożizzjoni aħjar milli konna ftit xhur ilu, xorta għadna vulnerabbli għan-nuqqas ta' gass flimkien mal-fatt li r-Russja qed tuża l-gass bħala arma."
Għalhekk Metsola reġgħet insistiet fuq il-bżonn li jsir xiri ta' gass konġunt u mhux separat, simili għal dak li sar fl-Unjoni Ewropea fil-każ tal-vaċċin. "Li kull pajjiż imur għalih waħdu ma għadhiex għażla," sostniet Metsola, li wegħdet l-appoġġ u l-ħidma sħiħa tal-Parlament fuq din il-materja.
Intant dwar il-gwerra fl-Ukrajna Metsola qalet illi l-attakki fuq bliet u l-infrastruttura Russa hija "xokkanti" u għalhekk trid tintlaqa' b'aktar sanzjonijiet, aktar appoġġ militari - speċjalment tanikijiet u difiża tal-ajru kif ukoll aktar ħidma biex ikunu indirizzati r-reati ta' gwerra li qed iseħħu fl-Ukrajna.
"Hemm bżonn nimbuttaw għall-paċi, imma trid tkun paċi vera, sostenibbli u għal dejjem," sostniet Il-Presidnet Roberta Metsola filwaqt li fakkret li diversi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea stess għandhom l-esperjenza ta' okkupanza barranija.