Il-kċina fuq art tiegħi imma l-kamra tas-sodda fuq art tal-Gvern. X'se nagħmel?

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri ħabbar skema ta’ simplifikazzjoni għal dawk li skoprew li parti żgħira mid-dar tagħhom kienet f’xi żmien mibnija fuq art tal-Gvern...

Il-Ministru Schembri waqt il-konferenza
Il-Ministru Schembri waqt il-konferenza

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri ħabbar skema ta’ simplifikazzjoni għal dawk li skoprew li parti żgħira mid-dar tagħhom kienet f’xi żmien mibnija fuq art tal-gvern.

Sa issa, f’dawn il-każijiet ġenwini, kien ikollha toħroġ tender u l-burokrazija kollha li din iġġib magħha u l-parti tal-proprjetà tinxtara mis-sid skont il-prezz tas-suq preżenti, avolja l-proprjetà tkun inxtrat għexieren ta’ snin qabel.

“Dan konna nħossu li mhux ġust, għaldaqstant issa sidien ta’ proprjetà li għandhom felles mibni fuq art tal-gvern bħal parti mill-parapett, bitħa, ġnien jew parti minn kamra li ma tkunx taqbeż il-50 metru kwadru, se jkunu jistgħu jixtru din il-parti bi prezz fiss,” qal il-Ministru Schembri.

Il-prezz se jkun ta’ €200 kull metru kwadru għal żvilupp residenzjali u ta’ €400 għal kull klassi ta’ użu ieħor. “Din hija wegħda elettorali oħra mwettqa matul l-ewwel ftit xhur ta’ din il-leġiżlatura,” sostna l-Ministru Schembri.

Ftit jiem biss ’il bogħod mill-Baġit, il-Ministru Schembri fakkar il-ħidma ta’ dan il-gvern biex jara li l-ekonomija f’pajjiżna tibqa’ miexja b’ritmu tajjeb ’il quddiem, fosthom billi jinħolqu industriji ġodda bħalma qed isir fl-oqsma tal-esports, video game development, blockchain u crypto, fost teknoloġiji oħra.

Robert Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, qal li din hija biss waħda minn numru ta’ skemi ta’ simplifikazzjoni li qed taħdem fuqhom l-Awtorità tal-Artijiet, hekk kif kien hemm numru ta’ proċessi li fil-prattika ma jaħdmux u jagħmluha aktar diffiċli lin-nies. Huwa spjega li issa b’applikazzjoni mimlija minn perit, li tkun tipprovdi dettalji fuq il-proprjetà, l-anomalija tkun irranġata bi ħlas raġonevoli.

 

More in Politika