Ħames snin wara l-qtil tagħha, il-Parlament Ewropew f'riżoluzzjoni sostna illi minkejja l-progress u l-iżviluppi pożittivi f’Malta, għad fadal tħassib speċjalment minħabba dak li sejjaħ bħala "nuqqas ta’ progress" fil-prosekuzzjoni ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli u ħasil tal-flus.
Il-Parlament Ewropew saħansitra, permezz ta' din ir-riżoluzzjoni, esprima tħassib dwar dak li sejjaħ: "L-impunità mogħtija lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri u anke Konrad Mizzi."
Il-Parlament Ewropew sostna wkoll illi "dawk kollha involuti fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja."
Fir-riżoluzzjoni tiegħu adottata b'564 vot favur, 10 kontra, u 17-il astensjonijiet nhar il-Ħamis, il-Parlament jirrikonoxxi l-progress fil-proċedimenti ġudizzjarji li għaddejjin, u l-apoloġija pubblika tal-Prim Ministru Malti għan-nuqqasijiet tal-istat li setgħu kkontribwew għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Madankollu, L-MEPs urew dispjaċir li l-investigazzjonijiet wasslu "biss għal tliet kundanni relatati mat-twettiq tal-qtil tagħha."
Dan qaluh f'referenza għal Vince Muscat (Il-Koħħu), li ammetta il-ħtija wara patteġġjament li jikxef aktar dwar is-serqa tal-HSBC fl-2010, kif ukoll tal-aħwa Degiorgio li l-ġimgħa l-oħra ngħataw sentenza ta' 40 sena ħabs kull wieħed b'rabta ma' dan l-assassinju. Fuq dan il-każ hemm l-aħwa tal-maksar li allegatament fornew il-bomba u Yorgen Fenech li qed ikun akkużat illi huwa moħħ wara dan l-assassinju, illi qed jistennew proċeduri kontrihom.
Minkejja dan, permezz ta' din ir-riżoluzzjoni l-MEPs qed jinsistu li kull min hu involut, f’kull livell, għandu jitressaq quddiem il-ġustizzja, u li “l-involviment sħiħ u kontinwu tal-Europol” huwa meħtieġ.
Huma esprimew tħassib ukoll li, sena wara l-pubblikazzjoni tal-Inkjesta Pubblika, l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport finali tal-inkjesta dwar il-qtil "hija skarsa, minkejja għadd ta’ riformi mressqa mill-Gvern."
Ir-riżoluzzjoni tgħid ukoll li l-MEPs jinsabu xxukkjati bin-nuqqas ta’ progress fil-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni ta’ livell għoli u l-ħasil tal-flus li Daphne Caruana Galizia kienet qed tinvestiga, u huma allarmati “bin-nuqqas ta' infurzar u ġustizzja, fil-livell istituzzjonali inklużi r-rivelazzjonijiet reċenti ta’ nuqqas ta’ azzjoni ripetuta dwar il-Mandati ta’ Arrest Ewropew." Huma kien qed jirreferu għall-każ tal-Inkjesta dwar il-Bank Pilatus li titlob li jittieħdu passi fuq reati finanzjarji - fosthom ħasil ta' flus - kontra ħamsa minn nies u l-bank innifsu, bil-Pulizija iżda tieħu azzjoni biss kontra persuna waħda u l-Bank. Biss, biss s'issa ma tteħditx azzjoni jew ħareġ mandat ta' arrest kontra l-uffiċjali tal-Pilatus Ali Sadr Hasheminjad u Mehmet Tezli, fost oħrajn.
Qed ikun allegat mill-Għaqda Repubblika wkoll - u fil-fatt il-Qorti talbet li jitressaq xhud fuq dan - illi l-Avukat Ġenerali ħarġet Nolle Prosequi - jew ordni biex ma jkunx hemm prosekuzzjoni - fil-konfront ta' xi nies marbutin mal-Bank Pilatus u li l-Inkjesta titlob li jittieħdu passi kontrihom.
Intant ir-riżoluzzjoni tilqa' l-fatt li issa hemm riżorsi addizzjonali biex jappoġġjaw l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet, ir-riformi fil-proċedura tal-ħatra tal-imħallfin u fl-uffiċċju u r-rwol tal-Avukat Ġenerali, diversi proposti tal-Gvern għat-titjib tal-libertà tal-midja u l-emenda tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi.
Il-Parlament ukoll esprima firxa ta’ tħassib ulterjuri, inkluż:
- It-tul u l-ineffiċjenza tal-proċedimenti investigattivi u ġudizzjarji;
- L-allegazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus u korruzzjoni;
- L-għadd relattivament baxx ta’ każijiet riferuti lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) u n-nuqqas irrappurtat ta’ kooperazzjoni mill-awtoritajiet Maltin;
- Ostakli għal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja.