Baġit 2023 | Il-UĦM tipproponi li l-paga minima tiżdied għal 50% tal-paga medja fuq medda ta' snin

Fil-proposti tagħha għall-baġit li se jitressaq nhar it-Tnejn il-UĦM qed tipproponi wkoll li l-overtime kollu jkun intaxxat bil-15% u li t-taxxa fuq wirt - bħal proprjetà - titnaqqas

Il-UĦM Voice of the Workers qed tipproponi li jsir studju biex fuq medda ta’ snin il-paga minima ta’ Malta titla’ għal 50% tal-paga medja qabel it-taxxa, peress li tisħaq illi fil-preżent din lanqas biss tissodisfa dan ir-rekwiżit minimu fid-Direttiva tal-UE Dwar Paga Minima Adegwata. Dan il-unjin qalitu fil-preżentazzjoni tal-proposti tagħha għall-Baġit li se jitressaq nhar it-Tnejn li ġej. 

Il-UĦM kompliet tipproponi li għandhom isiru sforzi biex jiġu negozjati ftehimiet settorjali flok ikun hemm arranġamenti speċifiċi għal postijiet tax-xogħol differenti fl-istess settur. "Il-frammentazzjoni qed twassal għal kwistjonijiet bla bżonn bejn il-unions li minnu l-ħaddiema mhu qed jieħdu xejn. Għalhekk l-għażla ta’ ftehimiet konġunti bejn il-unions għandha tiġi kunsidrata b’mod attiv"

Il-UĦM qed tipproponi wkoll li t-taxxa fuq wirt - inkluż fuq propjetà - għandha titnaqqas, ir-rifużjoni tat-taxxa fuq spejjeż biex tfal jintbagħtu attivitajiet sportivi tiżdied minn €100 għal €300 filwaqt li l-qligħ kollu mill-overtime għandu jkun intaxxat bir-rata ta’ 15% u mhux l-ewwel €10,000 biss.

Fir-rigward tal-qasam tas-saħħa il-unjin qed tappella lill-Gvern sabiex "immedjatament" iwaqqaf il-ftehim ma’ Steward Healthcare u jieħu lura l-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u anke l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex lura f’idejh għax tgħid li minn dan il-ftehim il-poplu ma ħa xejn. 

Dwar l-għoli tal-ħajja l-unjin qed tappella lill-Gvern biex jagħti garanzija li l-prezzijiet tal-fjuwil ma jogħlewx "biex ikun evitat li l-għoli tal-ħajja jkompli jispara ’l fuq" filwaqt li qed tipproponi wkoll li meta jogħla l-fjuwil, dawl u ilma il-kumpens għandu jingħata minnufih u mhux il-Gvern jistenna l-baġit ta' wara. 

More in Politika