Minflok lil persuna waħda ingħata lil poplu sħiħ: Il-Premju Sakharov 2022 lill-Ukreni

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ħabbret ir-rebbieħ tal-2022 fil-Plenarja ta’ Strasburgu l-Erbgħa wara nofsinhar, wara deċiżjoni mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament.

Il-MEPs taw il-Premju Sakharov 2022 għal-Libertà tal-Ħsieb lill-poplu kuraġġuż tal-Ukrajna, irrappreżentat mill-President, il-mexxejja eletti u s-soċjetà ċivili tagħhom.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ħabbret ir-rebbieħ tal-2022 fil-Plenarja ta’ Strasburgu l-Erbgħa wara nofsinhar, wara deċiżjoni mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament.

“Dan il-premju huwa għal dawk l-Ukreni li qed jiġġieldu fuq il-post. Għal dawk li ġew sfurzati jaħarbu. Għal dawk li tilfu qraba u ħbieb. Għal dawk kollha li qed jipprotestaw u jiġġieldu għal dak li fih jemmnu. Naf li l-poplu kuraġġuż tal-Ukrajna mhux se jirriżenja, u lanqas aħna m’aħna se nagħmlu hekk," hija qalet.

Metsola temmet tgħid li l-gwerra "mhux ipprovokata tar-Russja" kontra l-Ukrajna qed tikkawża spejjeż enormi fuq il-poplu Ukren. "Huma mhux biss qed jiġġieldu biex jipproteġu djarhom, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tagħhom, iżda qed jiddefendu wkoll il-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-valuri Ewropej fil-battalji “kontra reġim brutali li jfittex li jimmina d-demokrazija tagħna, idgħajjef u jaqsam l-Unjoni tagħna" temmet tgħid il-President,

In-nominazzjoni tenfasizza l-isforzi tal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy flimkien mar-rwol tal-individwi, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u l-istituzzjonijiet statali u pubbliċi inklużi s-Servizzi ta’ Emerġenza tal-Istat tal-Ukrajna, Yulia Pajevska, il-fundatriċi tal-unità medika ta’ evakwazzjoni Angels of Taira, Oleksandra Matviychuk, avukata tad-drittijiet tal-bniedem u president tal-organizzazzjoni Ċentru għal-Libertajiet Ċivili, il-Moviment ta’ Reżistenza Ċivili Yellow Ribbon, u Ivan Fedorov, is-sindku tal-belt ta’ Melitopol, li bħalissa tinsab taħt okkupazzjoni Russa.

Il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb jingħata kull sena mill-Parlament Ewropew. Ġie stabbilit fl-1988 biex jonora individwi u organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Huwa msemmi f’ġieħ il-fiżiku u d-dissident politiku Sovjetiku Andrei Sakharov u l-flus tal-premju huma ta’ €50,000.

Ara Hawnhekk aktar dwar dan il-premju f'artiklu li kien deher fuq il-gazzetta ILLUM

More in Politika