Intervista | 'B'li għamel Joseph Muscat żgur li għen ħafna lill-qarnita mafjuża li hawn f'pajjiżna'

L-eqqel kritiċi tal-PL, speċjalment ta' Muscat, illum ma għadux il-PN imma saret l-għaqda Repubblika li tiftaħar li kienu l-azzjonijiet tagħha li wasslu għal waqa' ta' Muscat, Schembri u Mizzi. Ħames snin wara l-qtil ta' Daphne l-ILLUM tintervista lil Robert Aquilina... 

Il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia wassal għal ħafna bidliet, fortuni politiċi li tkissru taħt id-dellijiet tal-implikazzjonijiet, il-mistoqsijiet u l-akkużi, pero' wassal ukoll għal ħolqien ta' għaqda - li hija mibgħuda daqs kemm hi maħbuba. L-għaqda Repubblika ilha għal dawn l-aħħar snin tipprotesta u tippronunzja ruħha fuq diversi kontroversji, kienet l-għaqda li pprotestat bla waqfien u b'qawwa biex jirriżenja l-eks PM Muscat - kif fil-fatt ġara u kienu kritiċi ħafna ta' Adrian Delia - li wkoll tneħħa mill-kariga. Dawn iż-żewġ avvenimenti bla dubju ħolqulhom ħafna għedewwa u avversarji politiċi.  

Ħames snin wara li nqatlet Caruana Galizia l-gazzetta ILLUM tistaqsi diversi mistoqsijiet lill-President ta' Repubblika Robert Aquilina u tibda b'Joseph Muscat, l-aktar persuna li spiċċat fl-għajn ta' kritika qalila ta' Aquilina. Tista' tgħid li Repubblika u Muscat huma l-akbar avversarji politiċi fil-pajjiż.  

Kull meta jikteb Aquilina jikteb b'mod li jagħti l-impressjoni illi huwa ċert li l-eks Prim Ministru se jmur il-ħabs.  

Għalhekk il-gazzetta ILLUM tistaqsih direttament: Inti temmen li Muscat huwa implikat, involut fil-qtil jew kien jaf minn qabel li se tinqatel Daphne Caruana Galizia?  

Huwa jagħmilha ċara li hu qatt ma rabat il-qtil ta' Caruana Galizia ma' Muscat u filwaqt li għamilha ċara wkoll li hu ma għandu mibgħeda lejn ħadd, "nemmen li Muscat għamel biżżejjed ħażin biex jeħel il-Ħabs. Imma jiena qatt ma smajt xi provi li kien involut fl-assassinju."  

Aquilina sostna iżda li ġraw ċerti affarijiet li jqajmu d-dubju, fosthom l-impjieg "fantażma" li ngħata Melvin Theuma.  

Mela għalfejn jitkellem b'ċertezza dwar Muscat, daqslikieku jaf ċert li se jispiċċa l-Ħabs?  

"Meta jiena ngħid li konvint illi Muscat se jitressaq il-Qorti u jinsab ħati nkun qed nirreferi għall-każi tal-korruzzjoni. Jiena ngħid li Joseph Muscat huwa l-Prim korrott u fuq din qatt ma fetaħli libell."  

Huwa sostna li minn dak li hemm fid-dominju pubbliku huwa jemmen li fuq il-każ tal-kuntratt lill-Vitals Global Healthcare, kemm il-kuntratt iffirmat kif ukoll l-ħlasijiet minn Accutor lil Muscat, dan se jispiċċa quddiem il-Qorti.  

L-ILLUM tfakkru li Muscat qal li l-flus  - €60,000 - kienu ġejjin minn konsulenza u li ma kellux x'jaħbi tant li daħlu fil-kont tal-bank tiegħu fil-BOV u ħallas it-taxxa fuqhom ukoll. 

"Jiena ma nemmnux," jibda jirrispondi Aquilina. Huwa qal li bħala Nutar li jagħmel Due Diligence jemmen li l-pagamenti lejn Muscat iqajmu ħafna bozoz ħomor, "biżżejjed bozoz ħomor biex ikollna siġra tal-Milied."  

Imma allura jemmen li l-flus li għaddew għand Muscat ġejjin mill-konċessjoni jew kienu parti mill-ħlasijiet relatati ma' dan il-ftehim?  

"Jiena qed ngħid li nemmen illi Muscat involut f'korruzzjoni u allura le ma neskludix li ġejjin mill-kuntratt. Imma ma għandix provi allura ma nistax ngħidlek li ġejjin." 

'Jiena qatt ma għidt li Egrant ta' Muscat, imma l-każ mhux magħluq' 

Aquilina għadu jemmen li Egrant hija ta' Michelle Muscat? U ħafna jfakkru - ġustament - li saret inkjesta li damet għaddejja xhur u li ma sabet ebda prova li Egrant fil-fatt qatt kienet ta' Muscat.  

Huwa jiċċara mal-ILLUM li fil-fatt huwa qatt ma qal li kienet ta' Muscat, daqs kemm qatt ma qal li ma kinitx iżda jisħaq illi filwaqt li l-inkjesta tal-Imħallef (dak iż-żmien Maġistrat) Aaron Bugeja għandha tingħata l-kredibilità li ħaqqha, kien hemm inkjesta oħra li trattat l-Egrant li kienet dik dwar il-Bank Pilatus.  

"Din tagħmel referenza ċara għal ammont preċiż ta' flus fi tranżazzjoni: $1.017 miljun li tgħid illi l-pulizija għandhom jinvestigaw billi jġibu l-għajnuna tal-Amerikani."  

'Il-mafja ħatfet lil-Labour biex imbagħad tipprova taħtaf pajjiż' 

Matul dawn l-aħħar ħames snin smajna ħafna il-kelma 'mafja' u akkużi wkoll li l-Gvern jew xi politiċi fih kienu 'mafja'. Imma din eseġerazzjoni? Ħafna donnhom hekk jarawha. Aquilina ma jaqbilx, anzi jgħid li hija l-mafja li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.  

Huwa qal li f'dawn il-każi l-ġustizzja hija diffiċli u li din mhux sitwazzjoni unika għal Malta hekk kif ifakkar li 30 sena wara l-qtil ta' Giovanni Falcone u Paolo Borsellino l-verità kollha - speċjalment dwar l-involviment tal-istat - għadha mhux magħrufa. Qal ukoll li bħal ma hawn antagoniżmu għal Daphne hawnhekk, anke fl-Italja hemm antagoniżmu għal Falcone.  

Imma qed jgħid li l-mafja qatlet lil Daphne. L-ILLUM allura tistaqsih: Min hi l-mafja? Qed tgħid li l-PL huwa mafja? Qed tgħid li l-mafja infiltrat lill-PL?  

"Le l-Partit Laburista mhuwiex il-mafja," jibda jispjega Aquilina. Ikompli jgħid iżda li huwa jemmen li hawn klikka ta' nies, "bejn politiċi u anke eks politiċi flimkien ma' nies fin-negozju li l-ewwel ħatfu lill-Partit Laburista biex imbagħad jaħtfu kemm jistgħu mill-Istat Malti. U Daphne ġiet assassinata minn dawn in-nies jew minn ħbiebhom."  

Imma għal min qed jirreferi? Qed jirreferi għal Muscat?  

"Muscat b'li għamel żgur li għen ħafna lill-qarnita mafjuża li hawn f'Malta u din qed ngħidha b'responsabilità," sostna Aquilina 

Abbozz Midja: Biżżejjed jew ftit wisq? 

Il-Gvern ressaq emendi dwar il-midja u l-libertà tal-espressjoni. Ma jħossx li dan kien pass 'il quddiem u rikonoxximent tal-bżonn li jkun protett il-ġurnalist?  

Huwa qal li wieħed irid jara minn fejn beda dan il-proċess, qabel il-proċess innifsu. Fakkar li din kienet waħda mill-proposti tal-Inkjesta Pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u qal ukoll li din kienet l-unika proposta li fuqha l-Gvern ħa passi. "Kien hemm rakkomandazzjonijiet oħrajn bħal-leġiżlazzjoni kontra l-mafja. Għaliex ma saritx din? Għax il-proċess kien imqanżah mill-bidu." 

Imma allura Aquilina qed jgħid li l-bidliet li wettaq il-Gvern ma kinux ta' konvinzjoni?  

"Assolutament le, ma sarux b'konvinzjoni u hemm reżistenza kbira għax il-ġurnaliżmu huwa meqjus bħala xkiel għall-Gvern għax iżomm lill-Gvern kontabbli," sostna Aquilina. Imma l-ILLUM terġa' twaqqfu u tfakkru li l-ġurnaliżmu huwa meqjus xkiel dejjem għall-politiku.  

"Iva vera. Pero' meta tinqatel ġurnalista għax hi ġurnalista, wieħed jistenna li jkun hemm rimedju immedjat mill-Gvern biex dan ma jerġax iseħħ."  

Imbagħad allura jdur fuq il-mistoqsija oriġinali dwar l-Abbozz li jitratta l-Midja u l-Libertà tal-Espressjoni. Huwa qal li r-riforma saret b'ħafna segretezza u li l-familja Caruana Galizia u anke l-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili ma ġewx ikkonsultati. "U b'konsultati mhux qed ngħid li tisma' u ma tagħtix każ, jew tagħmel il-kontra," irrimarka Aquilina. Huwa qal ukoll li ġiet imposta s-segretezza fuq il-Kumitat ta' Esperti, meta huwa xogħol il-ġurnalist li proprju jippubblika u jikxef dak li jinżamm sigriet.  

Huwa fakkar f'kemm hu diffiċli għal ġurnalisti u attivisti biex jiksbu informazzjoni ta' interess pubbliku fil-ħin, permezz tal-Freedom of Information Act. Semma' l-informazzjoni li talab hu dwar kif tpoġġa Silvio Valletta, bħala Direttur tal-FIAU, li tinvestiga reati kriminali fosthom dawk relatati mal-kumpaniji fil-Panama miftuħin minn Konrad Mizzi u Keith Schembri. Valletta kellu jirriżenja mill-Korp wara li kien żvelat kemm kien qrib ta' Yorgen Fenech, filwaqt li kien qed jinvestiga l-qtil ta' Caruana Galizia. Huwa qal li l-Gvern baqa' jirrifjuta li jagħti l-informazzjoni u allura kien kostrett jitla' quddiem it-Tribunal.  

"Fit-tribunal iċ-Chairperson kienet l-avukat ta' Yorgen Fenech. Kelli nitlob li tirrikuża ruħha, kif fil-fatt ġara. Biex imbagħad bħala sostitut tagħha intagħżlet persuna li kien wieħed, minn tlieta, li taw premju lil Michelle Muscat u wara seduta li kelli l-Qorti mar fuq Facebook u kiteb eloġju ta' lagħqiżmu lejn Muscat. Kif jista' jkollok fiduċja jekk is-sistema hija ppreġudikata kontrik?" 

'Għaliex ma tressqux in-nies li jissemmew fl-Inkjesta Pilatus?' 

Huwa staqsa wkoll kemm l-istejjer tal-ġurnalisti qed jiġu investigati u jekk ikun jeħtieġ iwasslu għal prosekuzzjoni. "Qabel ma semmietu Daphne lanqas qatt ma konna smajna bil-Bank Pilatus u għamlet allegazzjonijiet li kienu preċiżi. Sena wara li nqatlet bdiet inkjesta fuq l-allegazzjonijiet u sena u nofs ilu kienet konkluża," qal Aquilina. Kompla jispjega li f'din l-inkjesta l-Maġistrat kien qal li l-pulizija kellhom imexxu kontra l-bank u sitt persuni oħrajn. Minflok jgħid illi l-pulizija ħadet azzjoni konrta l-bank u persuna waħda biss.  

Mistoqsi jekk hemmx nies li jissemmew fl-inkjesta, li kellhom kariga huwa kkonferma li anke Keith Schembri jissemma' fl-inkjesta u kien hawn illi allega illi jinsab infurmat li Schembri qed ikun investigat għal reat ta' trading in influence. 

"Kif ma tressqux dawn in-nies? Għaliex? U issa ninsab infurmat li l-Avukat Ġenerali ħarġet ordni (nolle prosequi) biex ċertu nies akkużati fl-Inkjesta ma jitressqux. Mela filwaqt li għandna istituzzjonijiet li qed jippruvaw jaħdmu, hemm istituzzjonijiet oħrajn li qed jiddefendu lill-kriminali."  

"Tant ma tawx kashom il-mandati tal-arresti maħruġin mill-Maġistrat li tilfuhom," kompla jgħid.  

'L-idea li l-politiċi speċjalment dawk li jkunu fil-Gvern l-aħjar ma tmisshomx' 

L-ILLUM tfakkru li dan fil-fatt mhuwiex l-unika każ ta' persuni b'mandat ta arrest li ma ġewx arrestati. Kien hemm ukoll Maria Efimova li wkoll kellha tkun arrestata iżda ma ġietx. Dan għass? Inkompetenza? Jew jemmen hemm xi ħadd li qed jiġbed l-ispag?  

Huwa qal li hemm żewġ raġunijiet għal dan. L-ewwel raġuni huwa dak li jsejjaħ il-"ħtif tal-Istat" mill-Gvern, xi ħaġa li jgħid illi seħħet l-aktar taħt il-Gvern ta' Joseph Muscat u Keith Schembri, "li għamlu minn kollox biex jaħtfu l-istituzzjonijiet taħt idejhom. Per eżempju neħħew lill-eks Kummissarju John Rizzo għax kien se jmexxi kontra John Dalli  - ċara din," allega l-President ta' Repubblika. Kompla jgħid illi Muscat u Schembri "imlew lill-ġudikatura b'nies tal-fiduċja tagħhom..." Dwar dan l-aħħar punt l-ILLUM tfakkru illi s-sistema dejjem kienet hekk u l-akkuża kienet issir qabel ukoll, taħt Gvern Nazzjonalista.  

"Veru imma din ma kinitx ir-regola. Wara l-2013 kienet saret ir-regola u l-kriterju ta' kif tintgħażel il-ġudikatura, fil-fatt konna ftaħna każ barra" kompla jgħid.  

L-ILLUM terġa' twaqqfu u tfakkru li fuq il-każ li qed isemmi, l-Ewropa ma tatx raġun lil Repubblika.  

Huwa qal li fir-realtà kien intlaħaq qbil u sostna li għalkemm kien każ diffiċli li jirbħu għax il-ħatra tal-ġudikatura tibqa' fil-poter ta' stat membru tal-UE, huwa qal li permezz ta' dan il-każ ġie stabbilit il-prinċipju tan-non-regression, li jfisser illi Gvern ewropew ma jista' jagħmel xejn li jwassal għal aktar indħil fil-ġudikatura.  

Robert Aquilina qal iżda li apparti dak li jsejjaħ "ħtif tal-istat" hemm ukoll l-attitudni ta' ċerti istituzzjonijiet - "fl-ewwel post il-Korp tal-Pulizija."  

Hu jibda jirrakkonta kif meta kien inħatar Kummissarju Angelo Gafa' kellu laqgħa miegħu illi matulha esprima t-tama li jkun hu l-ewwel Kummissarju fl-istorja li jressaq politiku l-Qorti fuq akkużi ta' korruzzjoni. Qal iżda li jidher illi hemm l-idea li l-politiċi "speċjalment dawk li jkunu fil-Gvern" l-aħjar ma tmisshomx u "tħalliehom bi kwiethom." 

Imma, l-ILLUM tfakkru li kellna l-arrest ta' elenku ta' nies, mhux l-inqas ta' Keith Schembri nnifsu li qed jiffaċċja numru ta' akkużi fosthom frodi. Allura għadu jemmen li l-istat "maħtuf"?  

 Huwa rrikonoxxa dan il-fatt imma qal li ġie arrestat Schembri għax kien il-Maġistrat li ordna dan wara li kkonkluda inkjesta, imbagħad il-pulizija esegwiet dik l-ordni - xi ħaġa li jerġa' jfakkar illi ma ġratx fl-intier tagħha fil-każ tal-Bank Pilatus. "Il-Kummissarju qed ifarfar fuq il-Maġistratura. Aħna meta kien hemm il-każ taż-żewġ imħallfin li kkorrompew ruħhom x'għamel il-Kummissarju John Rizzo? Qgħad jiftaħ inkjesta? Mhux ġew arrestati l-Imħallfin?" 

Aquilina temm jgħid li hawn min huwa determinat jagħmel xogħlu u hawn min le.  

'Robert Abela jaqbel magħna għax dawk li kkritikajna aħna, warrabhom' 

Induru fuq l-inkjesta pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, li ma sabitx illi l-Gvern kien b'xi mod responsabbli għall-assassinju imma li sabet ukoll li l-impunità li l-Gvern ħalla illi tinħoloq wasslet biex tinqatel il-ġurnalista. Muscat irreżenja, bħal ma rreżenjaw Konrad Mizzi, Keith Schembri, Chris Cardona u anke l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, fost oħrajn. Allura jkun hemm min jistaqsi, Repubblika xi trid? Kemm trid li jirriżenjaw jew jisparixxu aktar nies biex jemmnu li tkun saret ġustizzja politika u l-Gvern Laburista ħallas il-prezz?  

Huwa beda billi qal li kull min kien responsabbli b'xi mod għandu jirriżenja għalkemm imbagħad kompla jgħid li f'Malta hawn persuna, "b'kariga għolja ħafna li taqbel magħna. Qed nirreferi għall-PM Robert Abela għax il-persuni kollha li kkritikajna kollha warrabhom; Carmelo Abela, Rosianne Cutajar, Edward Zammit Lewis u anke Justyne Caruana. Mela kif qed naraw il-Prim Ministru jaf x'inhi l-verità u li kellna raġun għax ħa azzjoni. Sempliċiment mhux jieħu l-azzjoni kollha kemm hi."  

Mistoqsi jelabora huwa qal illi ladarba r-responsabilità kienet taqa' kollha fuq l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, "kif il-PM Abela warrab lil Konrad Mizzi - li ma għandu ebda akkużi kontrih quddiem il-Qorti - għandu jiddistakka ruħu minn Muscat. Imma din ma jistax jagħmilha u l-ispjegazzjoni tiegħi hija li ma jistax għax Abela u n-nies tiegħu m'għandhomx biżżejjed kontroll fuq il-partit." 

More in Politika