'Determinazzjoni għandna u kawża ġusta wkoll. Ir-rebħa għal Daphne, għalina u għal Malta tasal żgur' - Metsola
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tisħaq illi minkejja li dawk li qatlu lil Daphne ħasbu li se jsikktuha, 'f’mewtha għamlet terremot li heżżeż lill-pajjiż. Terremot li nfirex ’il bogħod minn xtutna'
minn Albert Gauci Cunningham
"Nifs għandna, determinazzjoni u kawża ġusta għandna wkoll. Kif nistgħu ma nirbħux? Ir-rebħa tasal żgur, għal Daphne, għalina u għal Malta li tant inħobbu." Hekk sostniet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola quddiem folla numeruża li nġabret il-Belt Valletta biex tfakkar il-ħames snin mill-anniversarju tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia
Metsola sostniet illi tul ħajjitha Daphne Caruana Galizia ħadmet fuq diversi stejjer u imxiet bi prinċipju wieħed li, "dejjem tagħmel dak li għandha dmir tagħmel. Mhux li jaqbilha, mhux li hu komdu, mhux li hu popolari. Iżda dak li hu tajjeb u dak li hu xieraq."
Hija ddeskriviet lil Caruana Galizia bħala mara Mara tal-azzar, ta’ prinċipju u li tagħraf is-sewwa mill-ħażin u sostniet li għalhekk fl-aħħar "iddeċidew li jistgħu jsikktuha billi jisploduha. X’kefrija! Qatluha b’mod l-aktar barbaru. Bl-aktar mod brutali. Qatluha kważi quddiem binha."
Hija qalet li minkejja li dawk li qatluha ħasbu li se jsikktuha, fil-verità dan ma ġarax. "Jekk f’ħajjitha ċaqalqet ħafna affarijiet, f’mewtha għamlet terremot li heżżeż lill-pajjiż. Terremot li nfirex ’il bogħod minn xtutna," sostniet il-President tal-Parlament Ewropew Metsola, għall-approvazzjoni tal-folla preżenti, ħafna minnha żżomm messaġġi kontra l-korruzzjoni, bnadar ta' Malta u ritratti tal-ġurnalista assassinata.
Hija qalet li Caruana Galizia ħadmet għat-trasparenza, għall-onesta’ u għall-kontabbilita’ fil-ħajja pubblika. Insistiet li kulħadd jaqdi dmiru u jieħu responsabbilta’ għal għemilu.
Hija iġġieldet kontra l-korruzzjoni għax għarfet li l-korruzzjoni kemm ta’ xi politiċi, jew ta’ xi negozjanti, fosthom dawk msieħba ma’ politiċi, hija "s-susa li tnawwar lis-soċjetà."
"Nafu li għandna raġun, nafu li Daphne kellha raġun u dan ir-raġun ser neħduh kollu kemm hu" - Robert Aquilina
Meta kien qed jindirizza attività organizzata fil-Belt Valletta buex tfakkar il-ħames snin mill-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, il-President ta' Repubblika Robert Aquilina sostna illi l-għaqda mhux biss se tibqa' tiġġieled b'kull mezz biex tiżgura li mhux biss issir il-ġustizzja ma' Daphne Caruana Galizia imma wkoll biex tiżura li ssir l-ġustizzja, "dwar il-korruzzjoni li żvelat u li minħabba fiha nqatlet."
"M’aħna qatt ser nixbgħu ngħidu li Daphne nqatlet minħabba l-korruzzjoni... il-korruzzjoni maħduma f’Kastilja, il-korruzzjoni li saret taħt għajnejn u bil-kompliċità ta’ Joseph Muscat," kompla jisħaq Aquilina. Huwa fakkar li Muscat kien għamel tpinġija ma jdejh li kienet tgħid il-kelma 'Invictus' u sostna li Muscat - li jiddeskrivi bħala "Prim Korrott" - "kien mingħalih se jingħata kariga f’istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea imma ġiehelnih joħroġ minn Kastilja b’rasu baxxuta. Infakkarkom li lil Joseph Muscat ġiegħelnih jippakkja u jċedi l-poter għax inqabad b’idejh imċappsin bil-korruzzjoni u bi ħbiberija intima ma’ dak li l-Istat Malti qed jakkuża li hu l-mandant ta’ assassinju," sostna Aquilina f'referenza għal Yorgen Fenech.
Huwa fakkar li Caruana Galizia kienet l-aktar ġurnalista li ġriet wara Muscat biex "tikxiflu l-ħmieġ li ċċappas bih. Joseph Muscat illum spiċċa jxandar il-videos pjetużi tiegħu mill-washroom, inwewwah għax il-pulizija daħlet f’daru u l-Maġistrat ordnat li joħdulu l-mowbajls."
Aquilina kompla jisħaq quddiem il-folla quddiemu fil-Belt Valletta li jeħtieġ li n-nies jeħtieġ mhux biss jagħmlu dak li jistgħu "iżda dak kollu li hemm bżonn li nagħmlu biex naslu, biex lil dan il-pajjiż għażiż tagħna u lil uliedna nagħtuhom futur."
Tkellmet ukoll Louiselle Vassallo li qalet illi dawn l-aħħar ħames nin ma kellhom qatt ikunu parti mill-istorja ta' pajjiżna. "Li kieku kellna istituzzjonijiet b’saħħithom u li jiffunzjonaw b’sens ta’ dover lejn iċ-ċittadini. Minflok, ġiet assassinata ġurnalista. U dan għax l-istituzzjonijiet dawru wiċċhom in-naħa l-oħra u għażlu li, mhux biss jinjoraw, imma jiġġustifikaw u jiddefendu l-ħażen," saħqet Vassallo
Hija qalet illi illum qed ngħixu f'soċjetà fejn wisq nies jemmnu li, biex jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt, iridu jitkarrbu. "Huwa komdu għal min hu fil-poter li r-regoli ma jkunux ċari għal kulħadd, biex min għandu bżonn jinqeda, ikollu jdur fuq xi parrinu u jokrob għal dak li huwa tiegħu bi dritt," saħqet Louiselle Vassallo. Hija qalet illli llum ngħixu f'soċjetà ta' nies u eroj fażulli li japprofittaw ruħhom mill-Grazzi Ministru u l-Ministru "King", "biex jassiguraw li jibqgħu izommu kontroll assolut fuq dawk li tawhom il-fiduċja."