'Iktar kemm jgħidulna biex ma nsemmux lil Daphne, iktar għandna nsemmuha' - Grech

Fil-Mosta Bernard Grech jisħaq li min qed jaħseb li bl-iżviluppi tal-Ġimgħa waqaf it-tiftix għall-ġustizzja, sejjer żball...

Il-Kap tal-PN Bernard Grech
Il-Kap tal-PN Bernard Grech

Meta kien qed jitkellem fil-Mosta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Bernard Grech saħaq illi min ħaseb li l-iżviluppi tal-Ġimgħa bil-ħtija tal-aħwa Degiorgio waqaf it-tiftix għall-ġustizzja, "sejjer żball". "Dak kien pass ieħor 'l quddiem, pass li ma sarx waħdu imma wara ħidma ta' diversi nies - mhux l-inqas tal-Partit Nazzjonalista," sostna Grech. 

Huwa saħaq li hemm min ma jridx lill-PN jitkellem dwar Daphne Caruana Galizia u min jgħidlu biex ma jsemmiehiex, "imma aktar kemm ma jriduniex insemmuha, iktar għandna insemmuha għax din il-mara mietet għalik," saħaq Grech. Huwa qal illi minkejja li ħames snin ilu kien hemm min ħaseb li se jsikket lil Daphne Caruana Galizia, anke jekk forsi fil-fatt sikktu lilha milli tikteb u anke jekk waqqfu lill-qarrejja tagħha milli jaqraw x'inhu jiġri, "il-kitba tagħha ma tistax tindifen u t-tfittix għall-ġustizzja u l-verità ma tistax tidfinha lanqas." 

Huwa kompla jgħid li minkejja li l-poplu jista' jmur iċapċap u jattendi l-Vġili llejla kif se jagħmel hu, ikun ta' xejn "jekk se nibqgħu aljenati biss wara l-flus, jekk nibqgħu ndgħajfu lill-partit," sostna Grech. Kompla jgħid li b'din l-aħħar stqarrija kien qed jirreferi għal nies fi ħdan u anke lilhinn mill-Partit Nazzjonalista, fosthom qal - b'rappurtaġġ fuq il-midja. 

Huwa sostna wkoll li fl-aħħar xhur il-PN qed juri li huwa determinat illi jbiddel u jipproponi bidliet, fosthom semma' l-proċess ta' konsultazzjoni li fetaħ fuq l-Abbozz tal-Midja u l-Libertà tal-Espressjoni, proposti fir-rigward tal-ħaddiema tal-pjattaforma u din il-ġimgħa se jkun qed iressaq proposti dwar il-Baġit, li se jkun qed jitressaq nhar l-24 ta' Ottubtu li ġej. 

More in Politika