'Ta' kuljum mill-2020 u mhux f'anniversarju biss urejt rispett lejn il-familja Caruana Galizia'

Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid illi hu wera' r-rikonoxximent lejn il-memorja ta' Daphne Caruana Galizia bir-rispett li wera' lejn il-familja tagħha u l-passi li ħa f'dawn l-aħħar sentejn u nofs

Il-Prim Ministru
Il-Prim Ministru

Mistoqsi jekk hux se jkun qed jattendi għal attivitajiet jew inkella ċerimonji li jfakkru l-ħames anniversarju mill-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, nhar il-Ħadd li ġej, il-Prim Ministru Robert Abela qal illi hu wera' r-rispett lejn il-familja Caruana Galizia minn meta kien elett fil-kariga fl-2020 u sostna illi dan ir-rispett huwa "l-aqwa mod ta' kif tista' ssellem il-memorja, ta' kuljum mhux f'anniversarju, billi urejt rispett lejn il-familja u billi insistejt ukoll li ssir ġustizzja," qal Abela. 

Huwa qal ukoll li l-abbozz dwar il-Midja u l-Libertà tal-Espressjoni u l-qbil mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin li sar ilbieraħ biex għalissa jieqaf il-proċess relatat ma' dan l-abbozz, huma passi fid-direzzjoni t-tajba. Fil-laqgħa tal-bieraħ kien miftiehem li l-Prim Ministru se jikteb lill-Imħallef Michael Mallia li jmexxi il-Kumitat tal-Esperti u jistaqsih biex il-kumitat iżomm process ta’ konsultazzjoni fuq l-abbozzi kif mitlub mill-IĠM.

Il-PM Abela temm jgħid, f'kummenti mal-ġurnalisti dalgħodu, li lura fis-sena 2020 - ftit biss wara li kien elett Prim Ministru - kienet "solvuta" l-problema u l-kontroversja tal-fjuri fi ħdan il-monument tal-Assedju l-Kbir, wara ġimgħat illi matulhom - b'mod ripetut - ħaddiema tal-Gvern kienu ordnati jneħħu l-fjuri u ritratti li jfakkru l-assassinju. Abela kien qal illi dawn ma għandhomx jintmessu aktar. 

More in Politika