Il-PM iwaqqaf l-abbozzi għall-protezzjoni tal-midja u l-ġurnalisti; Se jniedi konsultazzjoni pubblika

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Prim Minsitru mhuwiex interessat li jisma' direttament x'bidliet hemm bżonn u minflok qabbad lil ħaddieħor biex jagħmel konsultazzjoni għalih

Waqt laqgħa mal-Istitut għall-Ġurnalisti Maltin, il-Prim Ministru Robert Abela kkommetta ruħu li ma jimxix ’il quddiem bil-proċess parlamentari fuq għar-riforma fis-settur tal-midja mressqa mill-gvern.

Il-laqgħa ssejħet minn Abela stess wara li l-IĠM kitiblu iktar kmieni din il-ġimgħa dwar it-tħassib serju fuq l-abbozzi proposti u n-nuqqas ta’ konsultazzjoni dwarhom.

Fil-laqgħa kien miftiehem li l-Prim Ministru se jikteb lill-Imħallef Michael Mallia li jmexxi il-Kumitat tal-Esperti, jistaqsih biex il-kumitat iżomm process ta’ konsultazzjoni fuq l-abbozzi kif mitlub mill-IĠM.

Għalhekk, il-Prim Ministru kkommetta ruħu li ma jimxix ’il quddiem bil-proċess parlamentari sakemm il-gvern jirċievi rapport ġdid mill-kumitat wara l-konsultazzjoni.

Fi stqarrija, l-IĠM qal li hu sodisfatt li s-sens komun rebaħ u li l-proċess mhux se jimxi ’l quddiem qabel ma tinżamm konsultazzjoni wiesa’.

'Flok ikkonsulta hu, il-Prim Ministru għażel lil ħaddieħor biex jagħmel dan'

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jirtira t-tliet abbozzi.

"Minflok għażel li jagħmel il-konsultazzjoni pubblika hu nnifsu, il-Prim Ministru qabbad lil ħaddieħor jagħmilha għalih. Il-Prim Ministru ma jidhirx li hu interessat li jisma’ direttament hu x’bidliet jeħtieġ li jsiru f’pajjiżna biex il-midja u l-ġurnalisti jkunu tassew protetti u biex kulħadd igawdi mid-dritt għall-informazzjoni," qal il-PN.

Insista li quddiem il-Parlament għandu jkun hemm biss abbozzi ta’ liġi li l-kontenut tagħhom ikun għadda minn proċess ta’ konsultazzjoni pubblika wiesgħa u effettiva u "mhux abbozzi ta’ liġijiet li nkitbu bil-moħbi kif irid Robert Abela."

Il-Partit Nazzjonalista qal li se jibqa’ għaddej bil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika mal-ġurnalisti u ma’ dawk kollha li għandhom interess fis-settur tal-media f’pajjiżna.

More in Politika