'Il-Parlament Malti kellu ħin jagħmel wirja tal-purtieri... imma dibattitu dwar ġurnalista maqtula le' - Repubblika

L-għaqda sostniet illi l-Parlament Malti minflok ifakkar ġurnalista Maltija li nqatlet ħames snin ilu - bħal mhu se jagħmel il-Parlament Ewropew - irid proprju jnessiha

"Huwa ċar li għall-Parlament Malti, li kontinwament jorganizza dibattiti fuq kollox u li saħansitra kien ospita wirja tal-purtieri, iqis li l-memorja tal-qtil ta’ ġurnalista Maltija li l-Istat ta’ Malta kien responsabbli għalih, bħala xi ħaġa li trid tiġi kkanċellata." Hekk sostniet fi stqarrija l-għaqda Repubblika filwaqt li nnutat illi l-Parlament Ewropew se jkun qed jiddibatti dan l-assassinju, hekk kif nhar il-Ħadd li ġej jitfakkar il-ħames anniversarju minn meta Daphne Caruana Galizia nqatlet permezz ta' karozza bomba.

"Sfortunatament il-Parlament Malti irid inessi dan l-assassinju," saħqet l-għaqda li qalet ukoll illi huwa evidenti li istituzzjonijiet oħra ta’ pajjiżna, inkluż ix-xandir pubbliku "li suppost huwa mezz ta’ edukazzjoni, qed isegwu l-eżempju ħażin tal-Parlament Malti."

Repubblika temmet tgħid li hija impenjata biex il-memorja ta’ Daphne ma tiġix imħassra. 

More in Politika