'Grupp żgħir ta' għalliema qed jagħmlu ħsara kbira lill-Kulleġġ' - Ittra miftuħa minn għalliema

F'ittra miftuħa dawn l-għalliema qabżu għar-Rettur u t-tmexxija tal-Kulleġġ ta' San Albert il-Kbir u qalu li grupp żgħir ta' għalliema qed jinstigaw studenti biex jiktbu messaġġi u jwaħħluhom mal-ħitan tal-iskola

Grupp ta’ edukaturi fil-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir kitbu ittra miftuħa li fiha qed joħorġu għonqhom għat-tmexxija tal-Kulleġġ u qed jinsistu li grupp żgħir ta’ għalliema li ma għadhomx jifformaw parti mill-komunità qed jagħmlu ħsara kbira.

Huma qalu dan fid-dawl tal-fatt li din il-ġimgħa, l-MUT rebħet id-dritt li tordna azzjonijiet industrijali fil-Kulleġġ li spiċċa f’qalba ta’ kontroversja sħiħa meta l-Bord keċċa lis-surmast Mario Mallia. It-tkeċċija tas-surmast mill-Kulleġġ tad-Dumnikani wassal għal rabja u anke protesti fost għadd ta’ għalliema, ġenituri u tfal.

Din il-ġimgħa stess, grupp ta’ ġenituri talbu lill-Ministru għall-Edukazzjoni biex jintervjeni direttament għax is-sitwazzjoni daqt tikkollassa.

Madanakollu, f’ittra miftuħa, grupp ieħor ta’ għalliema qalu li dak li qed jingħad mhuwiex minnu.

“Aħna l-edukaturi ilna mis-sajf naħdmu u nippreparaw, bħal fis-snin l-imgħoddija, biex noffru edukazzjoni xierqa lill-istudenti tagħna. Dan nixtiequ nagħmluh mingħajr ma niġu intimidati jew nitqiesu bħala “tradituri” minn grupp żgħir ta’ għalliema oħra fl-istess Kulleġġ, li għandhom fehmiet differenti, sempliċiment għaliex qed naħdmu b’ mod normali, għall-interess tat-tfal,” tgħid l-ittra.

L-edukaturi qalu li fil-Kulleġġ qed issir ħsara kbira minn grupp żgħir ta’ għalliema li m’għadhomx jiffurmaw parti mill-komunità, bil-għan li titfarrak u tikkollassa s-sistema edukattiva, l-iskola u l-komunità.

“B’mod sistematiku irridu li jinħoloq “kaos/ kollass totali”, billi qed jiġu insitgati l-istudenti biex jiktbu messaġġi u jwaħħluhom mal-ħitan tal-iskola. Ninnutaw ukoll kif numru ta’ membri tal-istaff stennew il-bidu u l-ewwel jiem tas-sena skolastika biex jirriżenjaw. Din saret logħba psikoloġika perikoluża fuq l-istudenti tal-Kulleġġ u fuqna l-għalliema. Filwaqt li nifhmu li għandhom kull dritt jirriżenjaw, il-ħsara li qed ikomplu jagħmlu minn barra l-Kulleġġ qed issir irreparabbli, speċjalment għal dawk l-istudenti li waslu fl-aħħar sena tas-sekondarja,” tkompli l-ittra.

Qalu li dan kollu wassal biex inżergħet pika żejda bejn setturi differenti fl-iskola b’opinjonijiet differenti

Huma qalu li kemm ir-Rettur Patri Aaron Zahra O.P u anke s-Sur Horace Gauci, il-kap il-ġdid tas-sekondarja,huma persuni kompetenti.

“Dan nafuh għaliex aħna naħdmu magħhom ta’ kuljum, fejn imexxu b’empatija kbira, dixxiplina fejn hemm bżonn, b’konsiderazzjoni lejn il-bżonnijiet tal-ħaddiema, u lejn il-bżonnijiet tal-ġenituri u t-tfal. Fr. Aaron, ir-Rettur, ħadem qatigħ biex iġib l-iskola f’ livell tajjeb, minkejja, l-ostakli kollha minn diversi oqsma.”

Qalu li filwaqt li jinsabu kuntenti bit-tmexxija tar-Rettur, ma jistgħux jitkellmu fl- apert minħabba biża’ ta’ intimidazzjoni minn kollegi, li b’mod agressiv qed imorru kontra l-‘ethos’ tal-iskola.

“Ix-xewqa tagħna hija li nitħallew naħdmu fil-kwiet b’responsabbiltà lejn l-istudenti kollha, biex noħolqu ambjent ferrieħi għall-istudenti fil-klassi. Aħna wkoll irridu li nieħdu ħsieb lil uliedna u l-impjieg tagħna, li ta’ kuljum qed

jiġi mhedded minħabba l-attitudni ta’ ċertu nies. L-iskola hija għal qalbna, u għalhekk nixtiequ li nibqgħu mexjin ‘il quddiem matul din is-sena skolastika, f’komunità mat- tfal, ġenituri, għalliema, membri tal-SLT u mar-Rettur.”

Temmew jgħidu li mhux kompitu tagħhom li jidħlu fid-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-bord u mill-Provinċja Dumnikana, u jixtiequ biss li fl-interess tal- istudenti tagħna, ikomplu jaħdmu mar-Rettur u mal-amministrazzjoni tal-Kulleġġ.

'Issa jidher ċar li l-istaff maqsum ... problemi għal uliedna'

Intant l-istess grupp ta' ġenituri li kitbu lill-Ministru fl-aħħar jiem irreaġixxew għal din l-ittra u qalu li issa huma aktar inkwetati

"Issa għandna sitwazzjoni fejn jidher li parti mill-istaff ħadet pożizzjoni fil-pubbliku kontra parti oħra tal-istaff. B’hekk il-qasma bejn l-istaff kibret u uliedna qed ibgħatu l-konsegwenzi," insistew il-ġenituri.

Qalu li bħala ġenituri huma baqgħu jagħtu appoġġ lill-istaff kollu fl-ogħla interess tat-tfal.

"Aħna dejjem ammirajna u apprezzajna l-professjonalità u l-imħabba tal-istaff kollu lejn uliedna, mingħajr ebda distinzjoni. Fl-istess ħin, illum, ninsabu ixxukjati ferm aktar kif kommunità li sa ftit xhur ilu kienet waħda ferm aktar serena u magħquda, issa spiċċat f’din is-sitwazzjoni."

Qalu li huma jappoġġjaw ukoll lis-surmast il-ġdid tas-sekondarja.

"Ninnutaw ukoll illi fl-ittra tal-bieraħ, sar kumment fuq dawk l-istudenti li qed juru sinjali ta’ protesta. L-ittra tgħid li hemm xi edukaturi li qed jinstigaw lit-tfal. Dan hu insult kbir lejn l-intelliġenza ta’ uliedna, tal-kapaċità tagħhom li jagħrfu bejn it-tajjeb u l-ħażin, u tad-dritt tagħhom li jesprimu d-dwejjaq u l-uġiegħ tagħhom. Uliedna m’għandhomx bżonn lil xi ħadd jgħidilhom x’għandhom jagħmlu biex juru li mhumiex jaqblu. X’irridu jkollna, ġenerazzjoni oħra ta’ nies indifferenti u qaddejja tal-poter?"

Il-ġenituri komplew jisħqu li t-tfal qed jagħlmuhom li hemm modi ċivilizzati li bihom tista’ turi li ma taqbilx u qed iħossuhom li qed jiġu mċaħħda minn dritt fundamentali - dak tal-edukazzjoni f’ambjent seren, minn professjonisti li jafdaw, minn lezzjonijiet f’suġġetti varji u minn attivitajiet edukattivi.

'Konferma li l-kawża ewlenija tal-firda huwa r-Rettur'

"L-ittra tkompli tikkonferma li l-kawza ewlenija tal-firda kbira fil-komunità ta’ San Albert hija l-filosofija li jħaddan ir-Rettur. Ebda mexxej li jrid il-ġid tal-kommunità, speċjalment tat-tfal, ma kien jippermetti li tinqala' sitwazzjoni bħal din," komplew jiktbu.

Għalhekk tennew li r-Rettur attwali mhuwiex il-persuna adattata biex toħroġ lil din il-kommunità mill-abbiss li daħħalha fih. 

"Għalhekk qed intennu l-appell tagħna lill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Awtoritajiet kollha li għandhom il-fakultà u l-kompetenza fil-qasam tal-edukazzjoni tat-tfal, biex jagħmlu dak kollu li hu meħtieġ biex jassigura li jitwettaq il-pjan li ħabbar l-ET Arċisqof ta’ Malta u jibda proċess ta’ fejqan f’din il-komunità edukattiva."

More in Politika