Il-Qorti tiċħad il-mandat ta' inibizzjoni ppreżentat mill-Kulleġġ ta' San Albert il-Kbir kontra l-MUT

Ġenituri jiktbu lill-Ministru u jisħqu li s-sitwazzjoni sejra mill-ħażin għall-agħar u tista' tikkollassa għal kollox għad-dettriment tat-tfal

L-MUT qalet li l-Qorti tat lilha raġun u għalhekk għandha d-dritt li tipproteġi lill-membri tagħha permezz ta' azzjonijiet industrijali.

Dan hekk kif dalgħodu, il-Qorti ċaħdet mandat ta' inibizzjoni preżentat mill-Kulleġġ ta' San Albert il-Kbir kontra l-MUT bil-għan li twaqqaf azzjonijiet industrijali.

Il-kriżi fil-Kulleġġ bdiet meta l-Bord keċċa lil Mario Cassal minn Kap tal-Iskola, bl-MUT tisħaq li din kienet tkeċċija 'inġusta.'

Madanakollu l-Kulleġġ kemm-il darba qal li offra l-id tal-ħbiberija u saħansitra ssospenda l-istess Bord, biex is-sitwazzjoni tkun riżolta madwar mejda.

L-MUT qalet li tinsab f'kommunikazzjoni kemm mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u anke mas-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija biex tinstab soluzzjoni hekk kif diversi għalliema qed jagħżlu li jitilqu mill-Kulleġġ.

Huma qed iweħħlu fir-Rettur tal-Kulleġġ, Patri Aaron Zahra O.P, li fi kliem l-MUT, qed iżarma x-xogħol kollu li sar fl-aħħar snin.

Il-Unjin qed issejjaħ għar-riżenja tar-Rettur u l-Bord jew it-tkeċċija tagħha u qed takkużah bi tmexxija "oppressiva."

Intant, grupp ta’ ġenituri u kustodji kitbu lill-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima biex juru t-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni fil-Kulleġġ u talbuh jintervjeni direttament.

Huma qal li jinsabu mħassba li “l-kriżi” li għaddej minnha l-Kulleġġ se jkollha riperkussjonijiet koroh fuq l-edukazzjoni tat-tfal, is-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Qal li s-sitwazzjoni sejra mill-ħażin għall-agħar, anke għax kważi kart tal-membri tal-istaff irriżenjaw.

“Imħassbin quddiem il-fatt li uliedna diġà tilfu numru kbir ta’ sigħat ta’ tagħlim u li l-indikazzjonijiet huma li se jitilfu ħafna iżjed lezzjonijiet fil-ġimgħat li ġejjin. Dan qed iwassal għal riperkussjonijiet anki rreversibbli fuq dawk li qed jippreparaw għas-SEC.”

Qalu wkoll li huma mħassba dwar dawk l-istudenti li jeħtieġu l-iktar għajnuna fil-proċess tat-tagħlim tagħhom.

“M’għandniex stampa ċara u trasparenti tal-aktar ġrajjiet importanti fil-Kulleġġ minħabba nuqqas ta’ omunikazzjoni trasparenti mit-tmexxija, u m’għandna l-ebda garanzija li s-sitwazzjoni se tissolva fi żmien mill-aktar fis minħabba n-nuqqas ta’ staff, u ppjanar serju mit-tmexxija,” qalu l-ġenituri.

Saħansitra insistew li jibżgħu li fi ftit ġimgħat, is-sitwazzjoni “tista’ tikkollassa għal kollox.”

More in Politika