Strateġija Ambjent 2050: 'Kliem sabiħ kieku, imma l-iżvilupp li qed isir jirrifletti din il-viżjoni tal-ERA?'

Bħalissa hemm konsultazzjoni dwar strateġija ambjentali. Iżda s-Sindku tal-aktar lokalità ppopolata u waħda mill-aktar li hemm żvilupp għaddej fiha jgħid li mill-paroli rridu ngħaddu għall-fatti. L-ILLUM tanalizza fil-qosor l-istrateġija u titkellem ma' Alfred Grima... 

"Kliem sabiħ kieku u pożittiv li naħsbu dwar l-importanza li jkollna lokalitajiet aktar ħodor, bi spazji miftuħin u indafa. Imma l-iżvilupp li qed isir f'pajjiżna bħalissa qed jirrifletti l-viżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar kif espressa fl-istrateġija?" Hekk sostna mal-ILLUM is-Sindku ta' San Pawl il-Baħar Alfred Grima meta mistoqsi dwar diversi realtajiet ambjentali f'din l-akbar lokalità ta' Malta fid-dawl tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent 2050, li kienet imnedija mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi għall-konsultazzjoni, li għaddejja bħalissa.  

Grima ta eżempju ta' kif l-istess ERA ħarġet liġi kif kull Kunsill Lokali għandu jirriserva post fejn ir-residenti jmorru jitfgħu l-iskart, b'kull lokalità jkollha post simili għal kull 2,000 resident. "Kif qed nibnu - ejja ara kif qed nibnu l-Qawra per eżempju - lanqas spazju għal siġra ma huma qed iħallu, aħseb u ara kemm qed jitħalla spazju biex isiru dawn il-postijiet fejn persuni jitfgħu l-iskart!"  

Huwa kien qed jirreferi għal Legal Notice li l-Gvern ħareġ aktar kmieni din is-sena li tkun tfisser illi f'lokalità bħal San Pawl il-Baħar ikun hemm madwar 16-il "Bring in Site" - fejn persuni jkunu jistgħu jitfgħu l-iskart li forsi jkun inġabar diġà jew inkella li l-persuna ma tkunx tista' titfgħu barra fil-ħin.  

"Aħna favur dawn l-affarijiet, mela. Imma hemm żewġ premessi. L-ewwelnett, l-ispazju kif diġà għidt u t-tieni waħda l-infurzar. Mhux nispiċċaw b'16-il miżbla mal-lokalità!"  

Huwa qal li fuq il-viżjoni u l-oġġettivi tal-ERA msemmijin fl-istrateġija hemm bżonn, "nieqfu nparlaw u nfasslu politika ħolistika. Mhux kulħadd ġej bl-ideat u jippretendu li l-Kunsilli sempliċiment ibaxxu rashom. U qed nagħmilha ċara li jiena mhux se nittollera impożizzjonijiet, jiġu minn fejn jiġu," kompla jinsisti Grima. 

Huwa qal illi tal-iscooters kienet kwistjoni tipika ta' dan in-nuqqas ta' pjan. "L-ewwel tfajna l-iscooters fit-toroq mingħajr pjan u bil-perikli kollha li dan iġib miegħu u issa qed noqgħodu nillapazzaw," saħaq Grima mal-ILLUM.  

Infurzar: 'Hemm bżonn nimmultaw u nimmultaw bil-kbir" 

U ladarba semma l-infurzar Grima reġa' dar fuq l-iskart. Filwaqt li qal illi d-Dipartiment tal-Indafa, speċjalment dak li qed jitratta l-indafa u ġbir ta' skart li jitħalla barra fil-lokalità li jmexxi, qed jagħmel xogħol tajjeb saħaq illi għad hemm wisq nies "li jiġu jaqgħu u jqumu."  

Huwa qal illi qed isir ħafna xogħol ta' tindif biex imbagħad diversi nies - u jinnota kif qed jirreferi kemm għal residenti barranin u anke għal dawk Maltin -  jerġgħu iħammġu. Huwa qal li s-soluzzjoni hija l-infurzar, "u fuq l-infurzar diġà qegħdin tard. Hemm bżonn nimmultaw u nimmultaw bil-kbir!" insista s-Sindku, li qal kif l-agħar ħaġa hija li l-Kunsill joffri servizz mingħajr ħlas ta' bulky refuse, li permezz tiegħu jiġbor skart goff u xorta diversi nies jibqgħu jħallu skart goff fit-toroq mingħajr ma jċemplu għas-servizz.  

Huwa temm jgħid ukoll li hemm bżonn illi jiżdied is-servizz ta' ġbir tal-iskart mil-lokalitajiet, speċjalment dawk b'densità qawwija ta' appartamenti bħal San Pawl il-Baħar.  

Ħafna kliem sabiħ. Imma fejn hi s-sustanza? 

Fuq l-ambjent smajna ħafna dawn l-aħħar 10 snin u aktar u forsi f'dawn l-aħħar xhur u snin smajna aktar, hekk kif ir-rata li biha għaddejja l-kostruzzjoni hija waħda kważi bla preċedent.  

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi ressqet Strateġija Nazzjonali 2050 li fiha hemm elenku ta' ideat u oġġettivi sbieħ imma li fir-realtà, fejn sejrin? Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa qasira u analitika lejn ftit mill-oġġettivi ambjentali li insibu f'dan ir-rapport. 

Per eżempju, l-istrateġija tgħid li għandu jkun hemm passi ċari lejn mezzi ta' trasport "sostenibbli" u alternattivi għall-karozzi. Dan ilna nisimgħuh, imma huwa ċar mit-traffiku li tant eluf qed iħabbtu wiċċhom miegħu kuljum illi l-għażla naturali u ovvja ta' ħafna Maltin għadha l-karozza privata. Il-Metro jew trasport tal-massa għadha ħolma fl-arja u t-trasport pubbliku - minkejja titjib sostanzjali mas-snin u minkejja li issa sar b'xejn - xorta għadu mhux l-għażla ovvja tal-maġġoranza tal-Maltin għal diversi raġunijiet. Politika li tiskoraġġixxi l-użu tal-karozzi ma teżistix, anzi l-kontra hija l-verità, hekk kif l-unika viżjoni li jidher illi teżisti hija dik li jitwessgħu t-toroq, propju biex jiġu akkomodati aktar karozzi! Altrù milli resqin lilhinn mill-użu tal-karozza privata.  

Jingħad illi oġġettiv huwa li jitnaqqas it-tniġġis tal-arja f'żoni partikolari fejn hemm rata għolja ta' tniġġis, speċjalment f'żoni fejn hemm gruppi vulnerabbli - bħal anzjani. Żewġ eżempji klassiċi ta' dawn iż-żoni huma: Triq Sant' Anna - l-aktar triq imniġġsa f'Malta skont il-kalkoli tal-ERA stess u Triq il-Kbira l-Ħamrun. L-ewwel waħda, suppost se tkun qegħda issir ġnien u żona magħluqa għal-karozzi. Nemmnuha, meta narawha u meta jkun hemm il-provi li dan il-proġett imwiegħed fil-fatt huwa possibbli li jsir, jiġifieri li tista' titħaffer mina taħt l-art għall-karozzi. Nistennew u naraw jekk wegħdi simili f'San Ġwann u anke l-Ħamrun humiex se jitwettqu sal-2027. 

L-istrateġija titkellem dwar aktar spazji miftuħa fiż-żoni urbani u filwaqt li dan huwa tajjeb u ferm mixtieq, wieħed jistaqsi jekk sarx ippjanar għal żoni urbani ħodor meta inbnew żoni sħaħ fil-pajjiż, bħas-Swieqi, San Ġiljan, il-Qawra, is-Swatar, il-Fgura u nistgħu nibqgħu nelenkaw postijiet relattivament ġodda fejn dan l-ippjanar proprju ma sarx u l-pulmun aħdar ta' siġar f'nofs l-urban (mhux playing field tal-konkos!) ma jeżistix. Għax ma sarx ippjanar għalih!  

L-Istrateġija tgħid illi hemm bżonn jitnsqqas it-trab. Oġġettiv tajjeb ħafna! Imma kif se jitnaqqas it-trab jekk il-kostruzzjoni - li propju toħloq it-trabijiet - qed tiżdied kullimkien? Tgħid li hemm bżonn jitnaqqas l-istorbju, iżda jsiru policies li jħallu l-istorbju għaddej għal aktar ħin matul il-lejl f'post bħall-Belt Valletta. Jgħid illi l-ġenerazzjoni tal-iskart trid tonqos, imma mbagħad Malta (bħall-maġġoranza tal-pajjiżi fil-Punent) tħaddem politika konsumerista, fejn importanti li tarmi u terġa' tikkonsma ħalli ddur ir-rota. U fl-istess ħin ngħidu li hemm bżonn innaqqsu t-teħid ta' art agrikola, filwaqt li joħorġu permessi li mhux suppost joħorġu għal pixxini f'żoni ODZ fuq tarf ta' wied! 

U allura din il-gazzetta tistaqsi: Din l-istrateġija kliem sabiħ u fl-arja biss?  

More in Politika