56% jemmnu li hemm bżonn partit ġdid... L-aktar iż-żgħażagħ u dawk li ma vvutawx fl-aħħar elezzjoni

Sondaġġ xjentifiku mil-ILLUM juri iżda li minkejja dan il-votanti Nazzjonalisti - b'xejn inqas minn 58.7% - jemmnu ħafna aktar li wasal żmien għal partit ġdid minn votanti Laburisti (31.7%). Dan filwaqt li l-inqas li jemmnu li hemm bżonn partit ġdid huma l-votanti fin-Nofsinhar, u l-aktar il-votanti fit-Tramuntana

Bernard Grech u Robert Abela
Bernard Grech u Robert Abela

"Dawn it-tnejn l-istess", "kollha għalihom jaħsbu", "l-ewwel buthom", "ma hemmx x'tagħżel", "jiena nivvota lill-aħjar mill-agħar." Min jaf kemm-il darba smatju dan fil-konfront taż-żewġ partiti maġġuri - minn diversi nies li ma għandhom ebda affinità partikolari lejn il-Partit Nazzjonalista jew il-Partit Laburista. U fl-aħħar elezzjoni dan il-fenomenu beda jgħolli rasu sew hekk kif xejn inqas minn 60,000 votant jew ma ġabrux il-vot, jew ma vvotawx jew inkella ħassru l-vot. 

Sondaġġ xjentifiku magħmul mill-gazzetta ILLUM juri illi s-sentiment ta' apatija lejn il-partiti u x-xena politika kompliet tikber hekk kif għall-mistoqsija dwar jekk jaħsbux li wasal iż-żmien li Malta jkollha partit ġdid 56.4% - jew maġġoranza assoluta - wieġbu 'iva'. Kienu kważi 43% li qalu 'le' u persentaġġ insinjifikanti - li jaqa' taħt il-marġinu ta' żball - ta' 0.5% li qalu illi 'ma jafux'. 

Kif mistenni l-aktar li jixtiequ illi jaraw partit ġdid huma dawk li ma vvotawx fl-aħħar elezzjoni ġenerali u dawk illi kieku issir elezzjoni llum ma jivvotawx lanqas. Fil-fatt kienu xejn inqas minn 73.6% - kważi tliet kwarti - ta' dawk li ma vvotawx fl-aħħar elezzjoni li qalu li wasal iż-żmien li jkun hawn partit ġdid, persentaġġ li jerġa' jitla' sew 'il fuq għal 84% fost dawk li qalu illi kieku ssir elezzjoni llum ma jivvotawx. 

Dan allura jikkonferma illi fost dawk li ma vvotawx jew ma jridux jivvotaw teżisti apatija kbira lejn il-klassi politika kollha: Il-Gvern, l-Oppożizzjoni pero' wkoll lejn il-partiti ż-żgħar li allura mhux qed ikunu kkunsidrati bħala alternattiva minn ħafna. 

Importanti wieħed jiftakar li f'dan is-sondaġġ il-parteċipanti ma kinux mistoqsijin jekk fil-fatt jivvotawx lil dan il-partit ġdid. Imma biss jekk jemmnu li għandu jinħoloq. 

L-aktar li jridu partit ġdid huma l-votanti Nazzjonalisti

Minkejja dan, iċ-ċifri li jirriżultaw minn dan is-sondaġġ xjentifiku magħmul mil-ILLUM juru illi hemm differenza ċara fil-livell tal-apatija, b'din tkun ħafna aktar aċċetwata fost il-votanti Nazzjonalisti u fiż-żoni tal-pajjiż li tradizzjonalment jivvotaw aktar lill-PN, fosthom it-Tramuntana tal-pajjiż li jinkludi l-Mosta, in-Naxxar, l-Imġarr, Għargħur u San Pawl il-Baħar. 

Fil-fatt fost dawk li qalu illi kieku ssir elezzjoni llum jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista kienu b'kollox 58.7% li wieġbu illi hemm bżonn ta' partit ġdid fil-pajjiż. Dan huwa kważi sitta minn kull 10 votanti. Minn naħa l-oħra 41.3% wieġbu fin-negattiv u allura ma jarawx dan il-bżonn. 
Is-sitwazzjoni tinqaleb kważi rasha 'l isfel fil-każ tal-Partit Laburista li jindika illi minkejja li l-partit riesaq lejn l-10 sena tiegħu fil-Gvern, xorta jibqa' jkollu appoġġ iktar leali u kumpatt. 

Fil-fatt 67.8% ta' dawk li jivvutaw lill-PL kieku ssir elezzjoni qalu li ma jarawx il-bżonn ta' partit ġdid. Dan anke jekk minoranza notevoli li tlaħħaq kważi terz (31.7%) qalu illi jemmnu li pajjiżna għandu bżonn partit ġdid fix-xena politika lokali. 

Is-sitwazzjoni hija ħafna aktar ta' tħassib għall-Partit Nazzjonalista jekk wieħed jagħti ħarsa lejn il-persentaġġi f'dak li jirrigwarda kif in-nies ivvutaw fl-elezzjoni ta' Marzu li għadda. 

Fil-fatt minn dawk il-parteċipanti li qalu illi vvutaw lill-Partit Nazzjonalista iktar kmieni din is-sena, kienu b'kollox 68.8% li qalu illi jaqblu li jinħoloq partit ġdid, b'30.1% iwieġbu fin-negattiv. Intant fost il-votanti Laburisti - mill-ġdid - il-ħeġġa għal partit ġdid kienet bil-wisq inqas hekk kif huma 38.5% li qalu illi jemmnu li wasal iż-żmien li jinħoloq partit ġdid u 61% li wieġbu fin-negattiv. 

Dan kollu jfisser illi minkejja li l-PN għandu problema kbira ta' apatija fi ħdan l-għeruq tiegħu - kif fil-fatt jikkonferma sondaġġ li kien ippubblikat fuq il-gazzetta oħt Maltatoday, illum il-Ħadd - fuq in-naħa l-oħra mhux kollox ward u żahar. Minoranza ta' madwar terz tal-votanti Laburisti qed iħarsu lejn il-bżonn ta' għażliet politiċi ġodda wkol! 

"Tas-south" l-aktar li ma jarawx bżonn ta' partit ġdid fil-pajjiż, imma n-naħa ta' fuq...

Id-differenza hija waħda ġeografika wkoll, bin-nofsinhar tal-pajjiż (South Eastern) - li jinkludi rħula bħaż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Birżebbuġa, Marsaxlokk, iż-Żurrieq, Ħal Kirkop u Wied il-Għajn, fost oħrajn - ikun l-inqas li jara l-ħtieġa ta' partit ġdid f'Malta. Għalkemm xorta kienu 47.3% li jaqblu illi jinħoloq partit ġdid, maġġoranza assoluta ta' 56.3% qalu illi ma jarawx dan il-bżonn. Din iż-żona tal-pajjiż hija karatterizzata minn lokalitajiet li kollha għandhom maġġoranzi laburisti komdi. 

Fuq in-naħa l-oħra tal-pajjiż, it-Tramuntana u Għawdex huma l-aktar li jemmnu illi hemm bżonn partit ġdid. B'66% in-naħa ta' fuq tal-pajjiż b'lokalitajiet fit-12-il distrett - distrett li dejjem baqa' jkollu maġġoranzi nazzjonalisti, anke jekk kienu ħafna iżgħar fl-aħħar snin - huwa l-aktar żona fejn votanti jemmnu li hemm bżonn partit ġdid. Għawdex isegwih b'59%. 

Maġġoranza qawwija taż-żgħażagħ u dawk li marru l-Università jridu partit ġdid

U finalment, u forsi mhux b'sorpriża l-akbar apatija fil-partiti politiċi tidher illi tinsab fost iż-żgħażagħ fejn maġġoranza qawwija ħafna jħossu li wasal iż-żmien ta' partit politiku ġdid. Kienu b'kollox 68.8% tal-parteċipanti li għandhom bejn 16 u 35 sena li qalu illi jaqblu, filwaqt li 30.4% qalu li ma jaqblux. Jekk inħarsu lejn kif wieġbu dawk li għandhom bejn 51 u 65 sena insibu li maġġoranza ta' 53.5% ma jaqblux li jkun hawn partit ġdid, persentaġġ li jinżel għal 50.7% għal dawk 'l fuq minn 65 sena. 

Jekk taqsam il-parteċipanti skont il-livell edukattiv tagħhom, jirriżulta illi dawk b'edukazzjoni terzjarja huma l-aktar li jemmnu fil-ħtieġa ta' partit ġdid, b'xejn inqas minn 70% jaqblu ma' dan u 29.2% biss li ma jaqblux. 59.5% ta' dawk li għandhom livell post-sekondarju jaqblu ma' partit ġdid filwaqt li 36.7% ma jaqblux. 

L-aktar li ma jaqblux ma' partit ġdid huma dawk li għandhom livell edukattiv primarju, b'55% jwieġbu 'le' u 45% iwieġbu 'iva'. 


Metodoloġija: Dan is-sondaġġ sar bejn nhar it-Tlieta 13 ta' Settembru 2022 u l-Ġimgħa 30 ta' Settembru u kien jinvolvi 647 parteċipant. Il-mod kif intgħażlu l-parteċipanti - skont ir-reġjun, l-età u l-ġeneru - huma rappreżentattivi tad-demografika Maltija. Il-marġinu ta' żball huwa ta' -/+ 4.2% b'95% Confidence Interval. 

More in Politika