Protest Ġudizzjarju minn grupp ta' operaturi kontra l-Gvern wara li beda trasport pubbliku b'xejn

L-Unsheduled Bus Services Ltd tiftaħ protest ġudizzjarju għax tgħid li l-fatt li l-Gvern se jkun qed jagħti bil-wisq aktar sussidji milli mifthiem lill-operatur tat-trasport pubbliku, ifisser illi qed jintervjeni fis-suq b'mod eċċessiv

Kooperattiva tal-Operaturi tax-Xarabanks - L-Unsheduled Bus Services Ltd (UBS) li tinkludi lill-Paramount, Zarb Garage, Koptaco, Supreme Travel, Garden of Eden u Robsons, fost operaturi individwali oħrajn, ħadu lill-Gvern il-Qorti hekk kif qed isostnu li l-miżura ta' trasport pubbliku b'xejn qegħda tbagħbas is-suq filwaqt li qegħda żżid aktar sussidji għall-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon, li qed topera il-Malta Public Transport. 

Lura fl-2015 il-UBS ma kinitx rebħet it-tender tal-Autobuses de Leon, liema tender irriżulta f'kuntratt ta' 15-il sena li se jkun qed jiswa' €430 miljun lill-Gvern. 

Fl-ittra ġudizzjarja l-avukati tal-USB John Attard Montalto u Douglas Aquilina qalu illi din il-bidla tmur lilhinn minn dak li kien imwiegħed meta l-kumpanija Spanjola rebħet it-tender, "għax effettivament is-sussidju għal kumpanija żdied aktar. Għalhekk huma saħqu li suppost - u skont id-Direttivi tal-Unjoni Ewropea - kellu jerġa' joħroġ tender mill-ġdid.  Apparti dan, il-UBS qalet li s-sussidju mogħti jilgħab mas-suq b'mod inġust. 

Dan ifisser, qalu l-avukati, li nħolqot sitwazzjoni ta' indħil "eċċessiv u mhux neċessarju" mill-Gvern, hekk kif mniżżel fit-trattati tal-UE. 

Id-difiża għalhekk talbet lill-Qorti sabex tordna lill-Gvern joħroġ tender ġdid u wissiet li ser iżżomm lil Transport Malta responsabbli. 

Kopja tal-protest intbagħtet lill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta. 

More in Politika