Il-Gvern ifakkar li l-iskema tal-passaporti kienet skrutinizzata u l-PN jappella biex tieqaf il-ħsara fuq Malta

Il-Gvern ifakkar li l-iskema tal-passaporti kienet skrutinizzata mill-FATF u l-Moneyval...

Il-Gvern irreaġixxa għall-pass li ħadet il-Kummissjoni Ewropea li se tieħu lil Malta l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fuq il-bejgħ tal-Passaporti. Fi stqarrija il-Gvern saħaq li hu jemmen li mhux qed jikser il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali u li dan il-qafas leġiżlattiv ta’ ċittadinanza b’investiment jirrispetta b’mod sħiħ il-proviżjonijiet elenkati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea permezz tal-proċess relatat man-naturalizzazzjoni. "Anke wara konsultazzjoni mal-professjonisti fil-qasam, il-Gvern se jkompli joġġezzjona għall-interpretazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rigward," saħaq il-Gvern fl-istqarrija. 

L-istqarrija fakkret illi qed jitħaddmu proċessi ta’ diliġenza rigorużi biex ikunu evitati l-abbużi, "ewlenin fosthom il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, u biex ikunu biss dawk l-individwi denji li jkunu eliġibbli għaċ-ċittadinanza Maltija u b’konsegwentament dik Ewropea."

Għalhekk il-Gvern qal li se jkompli jisħaq li hu dejjem onora l-obbligi u l-kundizzjonijiet kif stipulati fit-trattati, anke b’miżuri kif elenkati fihom.

"Dan il-programm kien skrutinizzat b’reqqa f’eżerċizzji ta’ evalwazzjonijiet dwar riskji ta’ ħasil ta’ flus u l-iffinanzjar tat-terrorizmu minn diversi istituzzjonijiet internazzjonali, ewlenin fosthom il-Moneyval u l-FATF. L-entitajiet u l-proċessi tagħhom għaddew b’suċċess l-istess evalwazzjonijiet u kienu rikonoxxuti bħala mudell għal pajjiżi oħra fil-ġlieda kontra l-attivitajiet tal-kriminalità orgnaizzata msemmija. Dawn il-proċessi jinkludu wkoll qsim ta’ informazzjoni u dan ir-riżultat ifisser li l-programm hu trasparenti biżżejjed ma' ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi."

Il-Gvern temm jgħid li dan il-proċess ser ikun qed jipprovdilu l-ispazju biex isaħħaħ l-argumenti tiegħu, kif ukoll jirribatti l-interpretazzjonijiet li. Irrikonoxxa wkoll li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija waħda "finali."

"Ieqaf għamel ħsara lir-reputazzjoni ta' Malta" - Il-Partit Nazzjonalista

Minn naħa l-oħra iżda l-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern biex - skont hi - jieqaf jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta' pajjiżna. "Hi tassew ħasra li l-Gvern mhux qed jagħmel biżżejjed ħalli jsaħħaħ ir-reputazzjoni ta' pajjiżna, li diġà kienet spiċċat imtappna meta Malta tpoġġiet fuq il-lista l-griża tal-FATF."

 

More in Politika