Malta fl-iżbarra: Il-KE tressaq lil Malta quddiem il-Qorti Ewropea fuq il-bejgħ taċ-ċittadinanza

Il-Kummissjoni Ewropea tqis li ż-żewġ tipi ta' skemi joħolqu riskji serji, b'mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà, tal-ħasil tal-flus, tal-evażjoni tat-taxxa u tal-korruzzjoni

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-iskema taċ-ċittadinanza b'investiment tagħha. Il-Kummissjoni tqis li l-għoti taċ-ċittadinanza tal-UE bħala kumpens għal pagamenti jew investimenti predeterminati mingħajr ebda rabta ġenwina mal-Istat Membru kkonċernat mhuwiex kompatibbli mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali.

Fl-20 ta' Ottubru 2020, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Malta, fejn ħeġġitha ttemm l-iskema tagħha ta' ċittadinanza b'investiment. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni oħra lil Malta f'Ġunju tas-sena l-oħra wara l-introduzzjoni ta' skema ġdida fi tmiem l-2020.

Wara l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, Malta ssospendiet din l-iskema l-ġdida għaċ-ċittadini Russi u Belarussi. Minkejja li dan kien pass pożittiv, il-Kummissjoni Ewropea innotat li Malta għadha tħaddem din l-iskema għan-nazzjonalitajiet l-oħra kollha u ma esprimiet l-ebda intenzjoni li twaqqafha.

Fil-bidu ta' April li għadda l-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil Malta. It-tweġiba ta' Malta ma indirizzatx b'mod sodisfaċenti t-tħassib tal-Kummissjoni. Malta hija l-uniku Stat Membru li għadu jopera skema bħal din. Dakinhar il-Kummissjoni Ewropea kienet qalet li skema bħal din, "timmina l-essenza taċ-ċittadinanza tal-UE, u għandha implikazzjonijiet għall-Unjoni b'mod ġenerali." Fakkret ukoll li r-riskju ta' skema bħal din ġew emfasizzati fil-kuntest tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. 

Il-Kummissjoni fl-istqarrija tagħha fakkret li ċ-ċittadinanza tal-UE u d-drittijiet li tagħti jinsabu fil-qalba tal-UE. "Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru tal-UE hija fl-istess ħin ċittadin tal-UE. Iċ-ċittadinanza tal-UE awtomatikament tagħti d-dritt għall-moviment liberu, l-aċċess għas-suq intern tal-UE, u d-dritt li tivvota u li tiġi eletta fl-elezzjonijiet Ewropej u lokali. Għal dawn ir-raġunijiet, il-kundizzjonijiet għall-kisba u għat-telf tan-nazzjonalità, li huma rregolati mid-dritt nazzjonali ta' kull Stat Membru, iridu jirrispettaw id-dritt tal-UE kif xieraq."

Skemi ta' ċittadinanza b'investiment jippermettu li persuna tikseb nazzjonalità ġdida bbażata fuq pagamenti jew investimenti predeterminati, u fin-nuqqas ta' rabta ġenwina mal-pajjiż ta' naturalizzazzjoni, bħar-residenza fit-tul. Dawn l-iskemi huma differenti mill-iskemi ta' residenza tal-investituri (jew il-“viżi tad-deheb”) li jippermettu liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, jiksbu permess ta' residenza biex jgħixu f'pajjiż tal-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea tqis li ż-żewġ tipi ta' skemi joħolqu riskji serji, b'mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà, tal-ħasil tal-flus, tal-evażjoni tat-taxxa u tal-korruzzjoni.

Il-Kummissjoni kienet qed issegwi l-iskemi ta' ċittadinanza b'investiment fi Stati Membri oħra wkoll.

More in Politika