Il-lemin estrem jirbaħ bi kbir fl-Italja; Giorgia Meloni ssir l-ewwel Prim Ministru mara Taljana

Il-koalizzjoni bejn il-partiti ta' Meloni, Matteo Salvini u Silvio Berlusconi se tkun kisbet maġġoranza kemm fil-Kamra tar-Rappreżentanti u anke fis-Senat

Giorgia Meloni se tkun l-ewwel Prim Ministru mara tal-Italja hekk kif l-ewwel indikazzjonijiet wara l-votazzjoni juru li l-lemin estrem rebaħ bi kbir l-elezzjoni ġenerali bikrija.

Meloni hija l-mexxej tal-partit Fratelli f’Italia li kiseb xejn inqas minn 26% tal-voti. Il-partit tagħha ssieħeb f’koalizzjoni qabel l-elezzjoni flimkien mal-Lega ta’ Matteo Salvini u Forza Italia ta’ Silvio Berlusconi.

Fil-fatt, il-partit ta’ Salvini kiseb madwar 12% tal-voti u dak ta’ Berlusconi kiseb madwar 8%.

Dan ifisser li l-koalizzjoni tal-lemin se tkun kisbet bejn 41 u 45% tal-voti biex hekk se jkollha maġġoranza kemm fil-Kamra tar-Rappreżentanti u anke fis-Senat. Dan ifisser li Meloni se tkun qed tmexxi l-aktar Gvern li jqarreb lejn il-lemin estrem, possibbilment mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn.

Il-koalizzjoni xellugija se tkun kisbet bejn 25 u 29% tal-voti, inkluż il-Partit Demokratiku u l-Movimento Cinque Stelle, mmexxi mill-eks Prim Ministru Giuseppe Conte se jkun kiseb bejn 13.5 u 17.5% tal-voti.

“Mhux se nitradixxu l-fiduċja tagħkom. Grazzi,” qalet Meloni fl-ewwel kummenti tagħha.

Insistiet li l-Gvern li se tmexxi se jkun Gvern tat-Taljani kollha li jfittex dak li jgħaqqad u mhux dak li jifred.

More in Politika