Il-PN jikkritika lill-Gvern dwar is-sigurtà u t-turiżmu

Il-Partit Nazzjonalista jikkritika lill-Gvern talli talab l-għajnuna tal-Pulizija Taljana biex tassisti fis-sigurtà f’żoni turistiċi

Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Gvern li falla kemm fis-sigurtà pubblika kif ukoll fit-turiżmu ta’ kwalità, wara li talab l-għajnuna tal-Pulizija Taljana biex tassisti fil-kontroll ta’ ċerti żoni turistiċi f’Malta.

Fi stqarrija maħruġa mid-Deputati Nazzjonalisti Darren Carabott u Mario de Marco, il-PN qal li t-talba għal għajnuna barranija hija "ċertifikat ta’ falliment" li l-Gvern qed jagħti lilu nnifsu, u li tammonta għal "daqqa ta’ ħarta lis-sovranità ta’ pajjiżna".

Skont il-PN, il-Gvern ma investiex biżżejjed fil-Korp tal-Pulizija u lanqas fit-turiżmu ta’ kwalità, u għalhekk tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni. "Dan il-Gvern ħoloq immaġni ta’ pajjiż fejn kulħadd jista’ jagħmel li jrid mingħajr konsegwenzi, u issa qed jaħsad dak li żera’ – ambjent ta’ impunità fejn intilef kull kontroll," qalu l-esponenti tal-Oppożizzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern qed jiddiżrispetta lill-membri tal-Korp tal-Pulizija billi jdur lejn korp barrani minflok ma jagħtihom il-mezzi u r-riżorsi li għandhom bżonn biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom.

"Malta għandha Korp tal-Pulizija b’uffiċjali ddedikati, iżda dan il-Gvern ħallihom għal riħhom," saħaq il-PN, filwaqt li esprima solidarjetà sħiħa mal-uffiċjali li, minkejja r-riżorsi limitati, jagħmlu l-almu tagħhom kuljum.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta’ viżjoni politika serja kemm għas-settur tas-sigurtà kif ukoll għal dak tat-turiżmu, u sostna li l-Gvern attwali naqas milli jipprovdi l-impenn u l-investiment meħtieġ biex iżomm livell sod ta’ sigurtà u jattira turiżmu ta’ kwalità li jżid mal-ekonomija mingħajr ma jkun ta’ piż fuq il-komunitajiet lokali.

Għalkemm il-PN qal li japprezza l-koperazzjoni offruta mill-Istat Taljan bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea, insista li dan ma jneħħix mir-responsabbiltà tal-Gvern Malti li falla fi dmiru.

"Falla li jżomm livell ta’ turiżmu ta’ kwalità. Falla milli jissalvagwardja s-sigurtà ta’ pajjiżna," intqal fl-istqarrija.

Il-PN temm billi wiegħed li Gvern alternattiv immexxi minnu se jkun qed jalloka riżorsi konkreti biex jerġa’ jibni r-reputazzjoni tal-Korp tal-Pulizija, jipprovdi taħriġ u għodod xierqa lill-uffiċjali, u jerġa’ jqiegħed is-settur turistiku ta’ kwalità fost il-prijoritajiet ewlenin għall-futur ta’ Malta u Għawdex.

More in Politika