Helena Dalli appuntata aġent President
L-Uffiċju tal-Prim Ministru tikkonferma l-ħatra tagħha waqt li Bernard Grech jgħid li hu ma kienx ikkonsultat

More in Politika
L-Uffiċju tal-Prim Ministru tikkonferma l-ħatra tagħha waqt li Bernard Grech jgħid li hu ma kienx ikkonsultat
Ġie kkonfermat mill-Uffiċju tal-Prim Ministru nhar l-Erbgħa wara nofsinhar li l-eks Kummisarju Ewropew Helena Dalli ser tinħatar bħala aġent president, kariga li kien qed jokkuppa l-Ispeaker Anġlu Farrugia b'mod temporanju wara li miet Francis Zammit Dimech.
Skont l-artikolu 49 tal-Kostituzzjoni ta' Malta, il-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed jaħtar lil Dalli f'din il-kariga, dan qed isir b'konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni skont l-istess artikolu, skont l-Uffiċju tal-Prim Ministru. Dalli ser tkun qed tieħu r-responsabbiltajiet tal-President Myriam Spiteri Debono fl-assenza tagħha.
Aktar kmieni matul il-ġimgħa kien hawn għajdut fil-midja lokali li Dalli ser tieħu din il-kariga, u dan ikkonfermatu Dalli mal-gazzetta Times of Malta fejn qalet li hi dejjem għamlet l-aħjar għall-pajjiża, u se tkompli tagħmel dan.
Dalli stess kienet fost dawk ikkunsidrati għall-irwol ta' President tar-Repubblika fl-2024 imma l-Oppożizzjoni kienet għamlitha ċara li ma taqbilx ma' dan hekk kif Dalli kienet serviet fil-kabinet ta' Joseph Muscat. L-istess Oppożizzjoni espremiet id-diżappunt tagħha fid-deċiżjoni li tinħatar Dalli fil-kariga ta' Aġent President, għall-istess raġuni li serviet fil-kabinet ta' Muscat.
Fejn l-Uffiċju tal-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni ġie kkonsultat, Bernard Grech li qed isservi bħala Kap tal-Oppożizzjoni sakemm jinħatar kap ġdid, qal li hu ma kienx ikkonsultat, imma kien infurmat. Huwa akkuża lil Robert Abela li "kellu d-dejn ma' Helena Dalli. U għamel bħalma jagħmel dejjem. Uża lill-pajjiż biex iħallas djunu."
Il-ħatra ta' Dalli timmarka punt tat-tluq mit-traddizjoni li l-aġent president ikun propost mill-oppożizzjoni mhux mil-gvern.
Il-Partit Laburista ħareġ stqarrija fejn faħħar il-karriera ta' Dalli u qal li l-PN qatt ma ħafru lil Helena Dalli talli kienet "pijunier għad-dħul tad-drittijiet ċivili f'pajjiżna," imma ma wieġbux l-allegazzjonijiet ta' Grech li hu ma kienx ikkonsultat