Għandek familja b'żewġt itfal? Biex tgħix ħajja diċenti għandek bżonn madwar €28,000 fis-sena

Jiġi varat rapport dwar in-National Living Income, bil-għan li tingħata definizzjoni għal għixien diċenti u denju għas-soċjetà kollha 

Biex familja ta' żewġt 'itfal tgħix ħajja diċenti, komda u adegwata, bi nfiq annwali ta' madwar €24,161 fis-sena, din għandha bżonn dħul ta' madwar €28,017, jiġifieri bejn €25,300 u €30,734, fis-sena. Hekk ġie indikat fir-rapport dwar in-National Living Income ikkummissjonat mill-General Workers' Union (GWU), Moviment Graffitti u Alleanza Kontra l-Faqar. 

Propju fuq hekk, f'kumment li ta lil dan is-sit, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja saħaq li, "dan ir-rapport se jservi bħala pass eqreb, biex nikkonviċu lill-Gvern jikkonsidra n-National Living Income, biex niżguraw dħul adegwat għal kulħadd, lil hinn mil-liema faxxa tas-soċjetà jagħmlu parti minnha." 

Bugeja żied jgħid li huwa tajjeb li bħala pajjiż nitkellmu dwar it-tkabbir ekonomiku iżda huwa daqstant importanti li nitkellmu dwar l-aktar faxxa vulnerabbli tas-soċjetà wkoll, li għal xi raġuni jew oħra ma tistax taħdem. Huwa għalhekk li saħaq li dan ir-rapport xjentifiku, prinċipalment sar biex tingħata definizzjoni ċara ta' x'inhu livell adegwat ta' għixien u li jolqot lil kulħadd u mhux lill-vulnerabbli jew familji bi dħul tajjeb biss. 

U familji oħra? Kemm għandhom bżonn dħul, skont dan ir-rapport? 

  • Persuna waħedha mingħajr tfal: Jekk in-nefqa annwali hija ta' €11,505 din għandha bżonn dħul annwali ta' €13,545.
  • Ġenitur single b'żewġt 'itfal: Jekk in-nefqa annwali hija ta' €18,408 dan għandu bżonn dħul annwali ta' €23,548.
  • Koppja mingħajr tfal: Jekk in-nefqa annwali hija ta' €17,258 dawn għandhom bżonn dħul annwali ta' €19,510.

Kif kien ikkalkulat in-National Living Income? 

Tajjeb li nsemmu li l-punt ta' tluq tal-unjin u ż-żewġ entitajiet ma kienx biss li jesploraw x'inhu d-dħul adegwat biex l-individwi fis-soċjetà jgħixu ħajja bażika iżda li jgħixu ħajja denja u li persuna jkollha kwalità ta' ħajja tajba u dan jinkludi attivitajiet ta' rikreazzjoni, fosthom membership ta' gym u servizzi ta' sbuħija, fost oħrajn. 

Dan ir-rapport huwa ibbażat fuq seba' pilastri; is-saħħa, l-ikel u x-xorb, l-edukazzjoni, it-trasport u spejjeż addizzjonali fosthom assigurazzjoni tal-ħajja, servizzi professjonali, ħwejjeġ eċċ. Dan ir-rapport jispjega li ċertu gruppi ta' individwi, fosthom żgħażagħ, għandhom spejjeż relatati ma' edukazzjoni ferm iktar mill-grupp ta' individwi ta' aktar minn 65 sena. Minkejja dan, jgħid li l-istima xorta tibbilanċja ruħha hekk kif l-anzjani/pensjonanti ħafna drabi jkollhom spiża ikbar fil-kategorija tas-saħħa. 

"Huwa importanti li nibdew id-diskussjoni fuq in-National Living Income biex innaqsu d-diskrepanza bejn gruppi fis-soċjetà, mhux għax għandna ħniena minn gruppi partikolari, iżda għax jiswa' ekonomikament li kulħadd jgħix ħajja adegwata. Dan hu li jagħmel politika soċjali u ekonomika aktar proattiva," qal Jake Azzopardi minn ReThink Advisory. 

More in Politika