'Suppost il-Gvern kellu jdaħħal liġi li tipproteġi lill-ħaddiema tal-pjattaforma, iżda naqas milli jagħmel dan' - PN

Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo jgħid li l-Gvern ta’ Robert Abela ma għamel xejn dwar il-kundizzjonijiet ta’ dawk il-ħaddiema li jaħdmu b’kuntratti deskritti bħala zero hour u m’għandu l-ebda soluzzjoni

“Kundizzjonijiet, drittijiet u xogħol” hi t-tema ta’ kampanja li l-Partit Nazzjonalista nieda biex ikunu studjati u tittieħed azzjoni dwar il-problemi li jeżistu fid-dinja tax-xogħol f’pajjiżna bl-għan li jkunu indirizzati dawn il-problemi kemm għall-ġid tal-impjegati u anke min iħaddimhom.

Il-Partit Nazzjonalista nnota kif il-Gvern Laburista naqas milli jindirizza l-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom dawk imsejħin bħala platform workers, bħal xufiera tat-taxi, carers u xufiera tad-deliveries tal-ikel, li qed jaħdmu fuq bażi ta’ skjavitù moderna. Dan minkejja, fakkar l-istess partit, li għal tliet snin, il-Gvern kellu f’idejh Liġi introdotta mill-Unjoni Ewropea. "Liġi li suppost kellha tidħol fis-seħħ f’pajjiżna f’Awwissu ta’ din is-sena."

Matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem għax-Xogħol u għas-Settur Marittimu Ivan Castillo qal li l-Gvern ta’ Robert Abela ma għamel xejn dwar il-kundizzjonijiet ta’ dawk il-ħaddiema li jaħdmu b’kuntratti deskritti bħala zero hour u m’għandu l-ebda soluzzjoni.

Hu insista li l-ħaddiema għandhom ikunu rispettati u protetti b’mod effettiv. Għaldaqstant, insista li dawk il-ħaddiema li jemmnu li d-drittijiet tagħhom ikunu nkisru, għandhom ifittxu rimedju f’livell nazzjonali bl-awtoritajiet kompetenti, bħall-Qrati tax-Xogħol jew l-Ombudsman.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħmel numru ta’ laqgħat matul dan ix-xahar biex ikunu identifikati l-bżonnijiet li jtejbu l-kwalita tal-ħajja tal-ħaddiema.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-PAC u Kelliem għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika Darren Carabott qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jiffoka fuq tliet punti partikolari, fosthom li t-Tribunal Industrijali jkun aktar awtonomu, li jkunu mħarsa u msaħħa numru ta’ Liġijiet, kif ukoll li jkunu aġġornati r-regolamenti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Hu insista li l-Gvern Laburista mar għall-kwantità, iżda l-Partit Nazzjonalista jrid li x-xogħol ikollu l-kwalità, li tissarraf fi kwalità għal ħajja li tixraq lill-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Kellilem għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ qalet li kulħadd għandu d-dritt għax-xogħol b’kundizzjonijiet ta’ kwalità u dinjitużi. "Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jrid li kulħadd ikollu pagi ġusti, ħinijiet tax-xogħol adegwati u ambjent sigur."
Spjegat li qed ngħixu f’pajjiż fejn Maltin u barranin qed ikunu sfruttati, b’uħud jiġu impurtati f’pajjiżna bil-wegħda ta’ xogħol dinjituż biex imbagħad jispiċċaw sfruttati fil-prostituzzjoni. Għaldaqstant, appellat għal bżonn imminenti ta’ ċertezza u stabbiltà fis-settur.

More in Politika