Il-Prim Ministru jikkundanna l-aħħar kummenti ta' Putin u jwiegħed aktar għajnuna lill-Ukreni

Waqt l-indirizz tiegħu quddiem l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, il-Prim Ministru Abela jisħaq li l-prijorità ta' Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà se tkun it-tibdil fil-klima

Il-Prim Ministru Robert Abela wiegħed l-appoġġ umanitarju kollu possibbli lill-poplu Ukren waqt id-diskors tiegħu fis-77 Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.

Filwaqt li kkundanna l-aħħar stqarrijiet li għamel il-President Russu Vladimir Putin, Abela insista li Malta se tkompli toffri l-għajnuna umanitarja lil dawk innoċenti.

“Aħna se nkomplu noffru l-assistenza umanitarja kollha lil dawk innoċenti u nikkundannaw tattiċi u stqarrijiet riċenti li ma jawgurawx tajjeb u li x’aktarx ifissru li s-sitwazzjoni se tkompli tiddeterjora,” qal Abela.

Għalkemm fl-ebda ħin ma semma r-Russja b’isimha, Abela kien qed jirreferi għall-aħħar kummenti ta’ Putin li fihom ħabbar mobilizzazzjoni tal-armata Russa u anke hedded li juża l-armi nukleari jekk iħoss li t-territorju Russu qed ikun mhedded.

Abela fakkar li kważi 13-il miljun persuna kellhom jaħarbu mill-Ukrajna. Dan ifisser xejn inqas minn terz tal-popolazzjoni.

Insista li s-soluzzjoni mhijiex fl-użu tal-forza u l-armi imma d-djagolu u n-negozjati.

“Aħna nafu x’inhu fl-aqwa interess tal-popli. Il-prijorità assoluta tagħna hija li nerġgħu naraw il-paċi tirrenja. Li tispiċċa l-gwerra. Dan huwa dak li qed jgħidulna n-nies. Dan huwa dak li ħaqqhom. Dan huwa dak li għandna nwettqu aħna mingħajr dewmien,” insista Abela.

It-tibdil fil-klima fuq nett tal-aġenda ta’ Malta

Il-Prim Ministru Abela tkellem ukoll dwar it-terminu ta’ sentejn li Malta se jkollha fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, liema terminu jibda f’Jannar.

Huwa insista li t-tibdil fil-klima se tkun fuq nett tal-aġenda ta’ Malta.

Fi kliemu, it-tibdil fil-kliema hija “theddida serja” għall-pajjiżi kollha imma b’mod partikolari għall-gżejjer żgħar u dawk kostali.

Waqt li rrefera għal diżastri naturali li seħħew f’diversi pajjiżi fl-aħħar xhur, Abela qal li l-ebda pajjiż ma hu eskluż mill-impatti tat-tibdil fil-klima u għalhekk appella biex kulħadd jiġbed ħabel wieħed.

Abela jwissi kontra indħil barranin fil-Libja

Tul id-diskors tiegħu, Abela għamel referenza wkoll għas-sitwazzjoni fil-Libja li timpatta wkoll lil Malta mhux biss minħabba r-relazzjonijiet kummerċjali imma anke d-distanza ġeografika.

Filwaqt li qal li jaqbel li jkun hemm tranżizzjoni paċifika taħt il-ħarsien tal-Ġnus Magħquda, wissa kontra “indħil” minn partijiet barranin. 

Din kienet referenza għall-fatt li pajjiżi differenti qed jappoġġjaw fazzjonijiet differenti fil-Libja.

Appella favur tranżizzjoni paċifika, sigura u stabbli għal-Libja u qal li hemm bżonn jittieħdu deċiżjonijiet “biex immedjatament jingħataw il-ġenb interessi ulterjuri fil-Libja darba għal dejjem.”

Anke Giorgia Mar titkellem...

Abela temm id-diskors tiegħu billu għamel referenza għall-messaġġ li bintu, Giorgia May, xtaqitu jgħaddi lill-mexxejja tad-dinja.

“Irrid li l-mexxejja tad-dinja jkunu eżempju għalina t-tfal biex inħallu warajna dinja isbaħ,” kien il-messaġġ ta' bint il-Prim Ministru.

“Dan jista’ jkun messaġġ sempliċi, imma j’Alla jgħinna nwettqu dak li hu mistenni minna," temm jgħid Abela.

More in Politika