Studju juri li hemm bżonn ta' 4.7 miljun turist biex jimtlew il-lukandi preżenti u dawk approvati

L-istudju kkummissjonat mill-MHRA juri illi hemm bżonn żieda qawwija fit-turisti biex il-lukandi kurrenti u dawk approvati jimtlew, għalkemm iqajjem mistoqsijiet dwar kemm l-infrastruttura tiflaħ għal dan in-numru...

Studju kkumissjonat mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) juri illi biex is-sodod kollha ta' lukandi u stabbilimenti ta' akkomodazzjoni li għandhom permessi biex isiru u dawk diġa' eżistenti jimtlew, hemm bżonn ta' 4.7 miljun turist f'Malta, li huwa fil-fatt kważi d-doppju tal-aktar sena illi matulha waslu turisti f'Malta, jiġifieri 2,753,239 turist li kienu ġew f'pajjiżna matul l-2019. L-MHRA qalet ukoll li dawn it-turisti għandhom iqattgħu medja ta' sebat iljieli, sabiex b'hekk tintlaħaq okkupanza ta' 80%. 

L-istudju - magħmul minn Deloitte Malta u ppreżentat minnhom ukoll - innota li n-numru ta' lukandi u akkomodazzjoni turistika, preżenti u dawk approvati fid-dawl ta' problemi fil-konnettivià għal raġunijiet diversi, jekk ma jkunux indirizzati jistgħu jwasslu għal perjodu ta' okkupanza baxxa kif ukoll jaffetwaw l-profitabilità tas-settur. Dan kollu jista' jwassal ukoll biex tkun mhedda l-istabilità ekonnomika u finanzjarja ta' pajjiżna. 

L-istudju qajjem ukoll it-tħassib dwar l-abbilità li Malta tilqa' 4.7 miljun turist u fakkar illi biex dan iseħħ irid ikun hemm żieda ta' 80% fil-wasliet fuq medda ta' ħames snin. Fakkar iżda li fl-2019 - meta allura konna resqin lejn tliet miljun turist f'pajjiżna -  kien hemm diġà indikaturi ċari u indikattivi ta' impatt fuq l-esperjenza turistika li kapaċi toffri Malta, kif ukoll fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Dawn il-fatturi jinkludu l-impatti fuq l-infrastruttura, partikolarment id-drenaġġ, l-impatti ambjentali kif ukoll il-bżonn ta' ħaddiema barranin li qed iwassal għal pressjonijiet urbani. 

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, waqt l-attività li matulha ġie mniedi l-istudju, qal li fattur importanti li jwassal għal turiżmu sostenibbli huwa li l-pajjiż jevità milli jkun kompjaċenti. Huwa qal li fortunatament f'pajjiżna hawn bosta assoċjazzjonijiet, bħall-MHRA, li jqajmu dibattitu dwar it-turiżmu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA Andrew Agius Muscat sostna li dan l-istudju ġie fi żmien opportun, f'mument meta qed issir diskussjoni dwar kif se nissalvagwardjaw il-futur ta' dan is-settur hekk importanti għal Malta. 

"Qed niffaċċjaw klima ekonomika li fiha l-operaturi għadhom qed iħossu l-effetti tal-pandemija Covid-19, flimkien mal-pressjonijiet inflazzjonarji u żidiet oħrajn. Għalhekk irridu nassiguraw illi l-industrija tibqa' sostenibbli f'terminu medju u fit-tul." ikkonkluda Agius Muscat. 

 

More in Politika