Il-Kunsill Malti tar-Refuġjati jitlob li ssir inkjesta indipendenti dwar il-mewt tat-tifla Loujin

Il-Kunsill fakkar li f'sitwazzjonijiet fejn persuna titlef ħajjitha meta tkun taħt ir-responsabilità tal-Istat, ikun hemm inkjesta u ssir ġustizzja u jisħaq li hekk għandu jsir f'dan il-każ ukoll 

II-Kunsill Malti tar-Refuġjati fi stqarrija qal illi jistenna li ssir inkjesta dwar il-mewt tat-tifla Sirjana ta' erba' snin Loujin, li mietet f'nofs ta' baħar hekk kif ma waslitx l-għajnuna lid-dgħajsa bl-immigranti li fuqha hija kienet ma' ommha u oħtha. "Informazzjoni pubblika sa issa hija kunfliġġenti, hekk kif verżjoni tgħid li Malta kienet ġiet informata dwar it-talba għall-għajnuna minn din id-dgħajsa nhar it-3 ta' Settembru u ma ngħatat ebda forma ta' għajnuna, filwaqt li verżoni oħra tgħid illi Malta kienet infurmata nhar is-6 ta' Settembru u li kien sar kollox biex jissalvaw il-ħajjiet." 

Il-Kunsill qal illi hi liema hi l-verżjoni veritiera jibqa' fatt li Loujin ma baqgħetx ħajja u mietet bil-għatx f'idejn ommha stess. "F'sitwazzjonijiet fejn normalment persuna tmut u tkun taħt ir-responsabilità tal-Istat - bħal ngħidu aħna f'għassa tal-pulizija jew il-Ħabs - nistennew li l-awtoritajiet jinvestigaw u jikkjarafikaw is-sitwazzjoni," irrimarka l-Kunsill li fakkar ukoll li jekk xi ħadd jirriżulta li kien responsabbli għall-mewt ta' persuna normalment nistennew li jitressqu l-Qorti fejn iwieġbu għal għemilhom.

"Aħna nistennew li dawn l-aspettativi normali japplikaw ukoll għall-każ ta' Loujin," kompliet tgħid l-istqarrija li sostniet illi Malta għandha responsabilità legali li tikkoordina salvataġġ fl-ibħra tagħha. "U din ir-responsabilità jeħtieġ li tinġarr mingħajr diskriminazzjoni, ladarba ma huwiex ċar jekk Malta lagħbitx parti attiva jew le fil-mewt tagħha."

Għalhekk il-Kunsill talab li tinfetaħ investigazzjoni indipendenti u imparzjali li tinvestiga ċ-ċirkostanzi kollha relatati. "Nistennew li l-Gvern jippubblika l-konklużjonijiet ta' din l-inkjesta u jressaq quddiem il-Qorti lil kull min, direttament jew indirettament, kien reponsabbli għall-mewt ta' Loujin," temmt tgħid l-istqarrija. 

L-organizzazzjonijiet li ffirmaw din l-istqarrija huma l-Fondazzjoni Aditus, l-African Media Association (Malta), il-Blue Door English, il-Fondzzjoni Integra, il-Jesuit Refugee Service (Malta), KOPIN, il-Kummissjoni Migranti, il-Migrant Women Association Malta, MOAS, OS Malta, Spark15 u s-Sudanese Community Malta. 

Intant ara hawn x'qal il-Moviment Graffitti waqt attività lbieraħ li matulha fakkar lill-istess Loujin

More in Politika