Graffitti lill-Gvern dwar immigranti fuq l-ibħra: 'Tkomplux b'din il-politika brutali li qatlet tifla ta’ erba’ snin'

Il-Moviment Graffitti ifakkar lil Loujin, tifla ta' erba' snin li mietet bejn sema u ilma wara li telqet ma' ommha biex tfittex ħajja aħjar...

kartelluni waqt l-attività li fakkret lit-tifla Loujin
kartelluni waqt l-attività li fakkret lit-tifla Loujin

Waqt attività li saret minn Moviment Graffitti biex titfakkar Loujin, tifla Sirjana ta’ erba’ snin, li mietet fil-baħar wara li d-dgħajsa li kienet fuqha ma kinitx salvata, intqal li l-mewt ta’ Loujin mhux każ iżolat. "Minħabba l-prattiċi tal-fruntieri f’Malta, fl-UE, u fi stati membri oħrajn, iktar minn 20,000 persuna mietu fil-Mediterran bejn l-2015 u l-2021. Ħafna oħrajn jgħibu mingħajr ma ngħodduhom: tfal u adulti li wiċċhom ma nafuhx, li l-mewt tagħhom ma nibkux."

Graffitti għalhekk appellat lill-Gvern biex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li ma jagħmel xejn f'każi fejn ikun hemm talba għall-għajnuna. "Qed insejħulkom biex ma tkomplux b’din il-politika inumana u brutali li biha qegħdin isofru l-iktar nies vulnerabbli, politika li tiċħad id-dritt għall-għażil, li jdumu ma jiġu salvati n-nies, li tisforza n-nies li jmorru lura f’żoni fejn hemm gwerer u kunflitti, lura għal kampijiet ta’ detenzjoni fejn jiġu ittorturati, politika li qatlet tifla ta’ erba’ snin u ħafna oħrajn fuq il-baħar," sostna l-Moviment. 

"Nitolbukom biex ma tibqgħux tagħmluna kompliċi f’din il-politika qattiela u kiefra ta’ abbandun. Għall-kuntrarju, nitolbukom biex turu solidarjetà u rispett ġenwin lejn il-ħajja ta’ kull persuna."

Fl-aħħar ta’ Awwissu, Loujin,, telgħet fuq dgħajsa tas-sajd mill-kosta tal-Libanu ma’ ommha u oħtha Mira ta’ sena, u telqu fuq il-baħar ma’ sittin ruħ oħra mis-Sirja, il-Palestina u l-Libanu. Fit-2 ta’ Settembru 2022, meta bdew jispiċċawlhom il-provisti bażiċi u d-dgħajsa beda jidħlilha l-ilma, bdew jibgħatu sinjali li għandhom bżonn l-għajnuna. Dawn is-sejħiet għall-għajnuna ġew mgħoddija lill-awtoritajiet Maltin.

Graffitti sostna fi stqarrija li għal ġranet sħaħ, l-awtoritajiet Maltin injoraw is-sejħiet ġejjin minn fuq din id-dgħajsa. Injoraw ukoll is-sejħiet għall-għajnuna mill-NGOs. "Għal ġranet sħaħ, Loujin, il-familja tagħha u dawk li kienu qegħdin jivjaġġaw magħha baqgħu bejn sema u ilma fin-naħa tal-Lvant taż-żona tat-tiftix u s-salvataġġ ta’ Malta (SAR). Diversi vapuri u dgħajjes kummerċjali għaddew minn ħdejhom u rawhom, imma dawn kellhom istruzzjonijiet tal-mistħija biex ħadd minnhom ma  jintervjeni."

More in Politika