'Ix-xhur li ġejjin mhux ser ikunu faċli għall-familji u negozji' - Von Der Leyen

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen faħħret ir-rispons ewropew għall-invażjoni Russa u ħabbret għajnuna ta' €100 miljun biex l-Ukrajna tibni l-iskejjel mill-ġdid...

Fid-diskors dwar l-istat tal-Unjoni Ewropea - State of the Europe'Ix-xhur li pean Union (Soteu) - il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen fakkret illi għall-Ewropa ix-xhur li ġejjin mhux ser ikunu faċli, "kemm għall-familji li qed jitħabtu biex ilaħħqu mal-ħajja jew in-negozji, li qed jiffaċċjaw għażliet diffiċli dwar il-futur tagħhom." Von Der Leyen saħqet li ż-żmien li ġej se jkun test għaliex qalet li din mhix biss gwerra kontra l-Ukrajna imma kontra l-enerġija, kontra l-ekonomija u "gwerra kontra l-valuri u l-futur tal-UE." 

Hija għamlet referenza għall-provvista tal-gass mir-Russja li tfakkar illi naqset minn 40% għal 9% biss. Hija qalet illi r-Russja qed tippreferi taħraq il-gass milli twasslu u dan flimkien ma' mewġiet ta' sħana qed iwasslu għal splużjoni fid-domanda tal-elettriku u impjanti nukleari kellhom jgħalqu.

"Riżultat ta' dan, il-prezzijiet tal-gass żdiedu b'aktar minn 10 darbet u allura l-affordabilità saret problema għal miljuni ta' familji u negozji," insistiet Von Der Leyen. 

Hija qalet iżda li l-Ewropej qegħdin jilqgħu din l-isfida wkoll u semmiet bidliet fix-shifts li għamlu ħaddiema fil-qasam taċ-ċermaika fl-Italja, biex inaqqsu mill-użu tal-elettriku. "Irrid li l-UE tieħu eżempju minn niesha stess u tara kif tnaqqas id-domanda fl-aktar sigħat li matulhom jintuża elettriku hekk kif dan iwassal biex jonqsu l-prezzijiet." 

'Nemmen li bil-konvinzjoni u l-kuraġġ l-Ewropa se tirbaħ' 

Von Der Leyen saħqet illi l-ġlieda hija tal-awtokrazija kontra d-demokrazija. "Jiena ninsab hawn u nemmen li bil-konvinzjoni, il-kuraġġ u s-solidarjetà Putin se jfalli u l-Ewropa se tirbaħ." 

Von Der Leyen fakkret f'dawk ir-refuġjati li qed jaqsmu l-fruntieri u qed isibu kenn u refuġju fit-toroq ewropej u anke fil-klassijiet fejn it-tfal Ukreni tfakkar li qed jagħmlu ħbieb ġodda, ewropej. 

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet illi filwaqt li 15-il sena ilu, waqt il-kriżi finanzjarja, l-Ewropa damet snin biex issib soluzzjonijiet, 10 snin wara "meta laqtitna l-pandemija, domna biss ftit ġimgħat." 

Hija faħħret il-fatt li r-rispons ewropew għall-invażjoni Russa kienet "magħquda, determinata u immedjata." 

Von Der Leyen sellmet lill-First Lady tal-Ukrajna Olena Zelenska li kienet preżenti fil-Parlament Ewropew u fakkret meta fl-ewwel ġimgħat tal-invażjoni din laqqgħet u mexxiet mijiet ta' familji li kellhom lil xi ħadd li nqatel. 

Von Der Leyen qalet illi s-settur finanzjarju tar-Russja wasal fi tmiemu u fakkret li tliet kwarti tas-settur bankarju inqata' minn mas-swieq internazzjonali. Qalet ukoll illi l-produzzjoni tal-karozzi naqset b'75% meta kkumparat mas-sena l-oħra  filwaqt li qalet illi l-Aeroflot - il-linja nazzjonali Russa - qed ikollha tħalli ajruplani l-art hekk kif mhux qed jinstabu biżżejjed spare-parts. Il-militar Russu, qalet li spiċċa jiddobba ċippi minn apparat tad-dar biex jirranġa l-armi għax il-pajjiż spiċċa mingħajr semi-conductors. 

"Huwa l-Kremlin li poġġa lill-ekonomija Russa fuq din it-triq," sostniet Von Der Leyen. 

Hija aċċertat illi s-sanzjonijiet se jkunu qed jibqgħu, kif se tibqa' l-għajnuna lill-Ukrajna. Fil-fatt tfakkar li l-Unjoni Ewropea għaddiet xejn inqas minn €19-il biljun f'għajnuna lill-Ukrajna.

Kien f'dan il-punt li ħabbret illi l-UE se tgħaddi €100 miljun f'għajnuna biex l-Ukrajna tkun tista' tibni l-iskejjel mill-ġdid, fiwaqt li wegħdet għajnuna sabiex l-Ukrajna tingħaqad fiż-żona ewropea tar-roaming u anke fis-suq komuni. 

 

 

 

More in Politika