Aġġornata | Kappillan akkużat quddiem il-Qorti li ffroda 150 persuna għall-valur ta' nofs miljun ewro

Il-Kurja tħabbar li Dun Seguna tpoġġa fuq Administrative Leave u minfloku se taħtar amministratur sakemm jkunu għaddejjin il-proċeduri...

Dun Seguna jiddaħħal il-Qorti
Dun Seguna jiddaħħal il-Qorti

Il-Kappillan ta' Marsaxlokk Dun Luke Seguna tressaq quddiem il-Qorti illum akkużat b'miżapproprjazzjoni ta’ fondi, ħasil ta’ flus, frodi u falsifikazzjoni ta’ dokumenti, fost akkużi oħra. Il-Kurja għalhekk ħabbret li s‑saċerdot tpoġġa fuq administrative leave b’effett immedjat sakemm jibqgħu għaddejjin il‑proċeduri.  Il‑parroċċa se tkun taħt it‑tmexxija ta’ amministratur maħtur mill‑Arċisqof Charles Scicluna. 

Intant quddiem il-Qorti dalgħodu l-Prosekuzzjoni qalet illi hemm probabilità li kienu madwar 150 persuna li waqgħu vittma ta' Seguna u ġew iffrodati madwar €500,000. Il-Prosekuzzjoni qalet illi l-akkużat ma għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba r-rabta mill-qrib li għandu mal-komunità Xlukkarja u allura ikun hemm il-periklu li jiġu influwenzati x-xhieda. 

Xħin daħal il-Qorti Seguna ilmenta b'nuqqas ta' nifs u uġigħ f'sidru. L-avukati ta' Seguna nnutaw il-mument tal-arrest, eżatt wara għeluq sninu u wara li kien għaddej minn trattament tal-kanċer. 

Intant aktar kmieni l‑Arċidjoċesi fi stqarrija offriet il‑koperazzjoni sħiħa tagħha lill‑awtoritajiet u se tfittex li tistabbilixxi jekk il‑kappillan mexiex ma’ policies dwar donazzjonijiet li huma diġà stabbiliti.

Minħabba li għaddejjin proċeduri, l‑Arċidjoċesi mhux se tikkummenta dwar dan il‑każ u tappella lill‑media biex tirrispetta l‑preżunzjoni tal‑innoċenza sabiex il‑ġustizzja tieħu l‑kors sħiħ u xieraq. 

(Dan l-artiklu qed ikun aġġornat)

More in Politika