Il-Kulleġġ ta' San Albert joħroġ sejħa għall-Kap tal-Iskola; Battibekki bejn ir-Rettur u l-MUT

L-MUT tippubblika pubblikazzjoni li rċeviet mingħand ir-Rettur tal-Kulleġġ dwar tgħajjir li qed jirċievi minn membri tagħha

Tkompli l-kwistjoni fil-kulleġġ ta' San Albert il-Kbir wara t-tkeċċija ta' Mario Mallia hekk kif fl-aħħar sigħat ħarġet sejħa biex jintagħżel Kap ġdid għall-iskola.

Dan minkejja li lbieraħ filgħaxija, l-Arċisqof ta' Malta Charles Scicluna ltaqa' mal-edukaturi u persuni oħra li jaħdmu fl-istess Kulleġġ bil-għan li tkun solvuta din il-kwistjoni fl-iskola mmexxija mill-Provinċja Dumnikana Maltija.

Hekk kif saret din is-sejħa, il-Unjin Maltija għall-Għalliema kkundannat il-Bord ta' dan il-Kulleġġ u saħaq li dan baqa' għaddej mingħajr l-ebda konsultazzjoni.

Qalet ukoll li dalgħodu rċeviet komunikazzjoni mir-Rettur tal-Kulleġġ, Patri Aaron Zahra O.P, li fiha huwa jilmenta dwar kummenti dispreġġattivi li qed isiru fil-konfront tiegħu u tal-Kulleġġ u saħansitra qal li lest jieħu passi bil-liġi.

Min-naħa tagħha, l-MUT wieġbet lir-Rettur u qaltlu li t-tmexxija tiegħu hija kkaraterizzata mit-tkeċċija u t-tneħħija ta' inizjattivi u anke individwi u akkużatu li l-ħin kollu qed jheddida b'ittri legali

"Ma taċċettax kritika u tistenna li kulħadd ibaxxi rasek quddiemek," kompliet l-MUT. "Stennejt li jċapċpulek għax ħriġt din is-sejħa wara li keċċejt li Mario Mallia?"

Temmet tgħidlu li din it-tip ta' tmexxija ma tixraq imkien aħseb u f'Kuleġġ.

Nhar it-Tnejn li għadda, l-MUT ħadet il-każ ta' Mario Mallia quddiem it-Tribunal Industrijali, b'Mallia jisħaq li t-tkeċċija tiegħu kienet waħda inġusta u fil-każ se jkunu qed joħorġu aktar fatti.

Huwa qal li talab kemm-il darba laqgħa kemm mal-Bord tal-Kulleġġ u anke mal-Provinċjal tad-Dumnikani imma dawn qatt ma kellmuh lura. Saħansitra akkuża lid-Dumnikani li waqqfu dan il-Bord fil-Kulleġġ bil-għan li jqaċċat l-irjus.

Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Kulleġġ akkuża lil Mallia li fl-aħħar snin kien inklussiv ma' kulħadd ħlief mal-Bord u l-bqija tal-Provinċja. 

Il-Provinċja Dumnikana qed tiċħad li Mallia tkeċċa minħabba policies ta’ inklussività. Ir-Rettur qed jisħaq li l-Kulleġġ dejjem ħaddan dawn il-valuri sa mit-twaqqif tiegħu.

L-Ordni qed jgħid li Mallia tkeċċa minħabba “diversi kwistjonijiet maniġerjali u proċedurali li ilhom jinġemgħu u li b’dispjaċir baqgħu ma ġewx riżolti.”

Aqra wkoll: 'Il-Bord tal-Kulleġġ twaqqaf biex iqaċċat l-irjus;' L-MUT tieħu l-każ ta' Mario Mallia quddiem il-Qorti

More in Politika