Il-popolazzjoni tal-Belt Valletta tkompli tiċkien u tixjieħ iżda jiżdiedu r-residenti barranin

Iċ-ċensiment 2021 wera kif għal sena oħra l-popolazzjoni tal-Belt Valletta kompliet tonqos u tixjieħ u anke jekk ir-residenti Maltin qed jonqsu mill-kapitali, qed jiżdiedu b’mod sostanzjali il-barranin li jagħżlu li jgħixu l-Belt 

Jekk it-tentattivi biex il-Belt Valletta tqum u ma tibqax torqod mas-sebgħa ta’ filgħaxija irnexxew bi kbir, mill-banda l-oħra, ftit ftit, il-popolazzjoni tal-Kapitali qed tonqos sena wara l-oħra u t-tħassib tal-komunità residenzjali Beltija issa reġa’ ġie kkonfermat ukoll miċ-ċensiment li sar fl-aħħar xhur. 

Fil-fatt, iċ-ċensiment wera kif il-Belt Valletta kienet fost l-aktar tliet lokalitajiet li rreġistrat tnaqqis fil-popolazzjoni tagħha meta wieħed iqabbel mal-aħħar ċensiment li sar fl-2011. Fl-aħħar għaxar snin, il-popolazzjoni Beltija naqqset b’591 resident.  

L-uniku lokalità fejn it-tnaqqis kien aktar minn dak tal-Belt, kienet Bormla li rreġistrat tnaqqis ta’ 695 resident mill-aħħar ċensiment.  

Dan jikkonferma t-tħassib li wrew mal-gazzetta ILLUM diversi drabi residenti Beltin u gruppi li jirrappreżentawhom, jiġifieri li kull ma jmur, il-popolazzjoni tal-Belt Valletta qiegħda dejjem tonqos u dan fl-istess żmien meta sar investiment kbir biex il-Kapitali tqum fuq saqajha, b’mod partikolari meta fl-2018 kellha t-titlu tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. 

Minn kważi 23,000 resident għal ftit aktar minn 5,000 

Interessanti wkoll dak li wieħed jinnota jekk iħares lejn l-aħħar għaxar ċensimenti u jinnota kif naqqset drastikament il-popolazzjoni tal-Kapitali. Fil-fatt, sa 100 sena ilu, jiġifieri sal-1921, il-Belt kellha l-akbar popolazzjoni. B’kollox, fil-Belt Valletta kienu jgħixu 22,392 persuna.  

Sa għaxar snin wara, jiġifieri sal-1931, il-poplazzjoni Beltija telgħet għal 22,779 sakemm ħadet daqqa ‘l isfel minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija. 

Fil-fatt, fl-1948, il-Belt Valletta rreġistrat poplazzjoni ta’ 18,666 persuna u minn dak iż-żmien ir-residenti Beltin baqgħu dejjem jonqsu.  

L-akbar tnaqqis kien irreġistrat bejn iċ-ċensiment tal-1967 u l-1985. Fl-1967, fil-Belt Valletta kienu jgħixu 15,279 persuna. Sal-1985, il-popolazzjoni Beltija kienet naqqset għal 9,340. 

Il-popolazzjoni baqgħet tonqos sena wara l-oħra sakemm iċ-ċensiment tal-2021, ippubblikat fl-aħħar jiem, wera kif illum fil-Belt Valletta jgħixu biss 5,157 persuna. Sa għaxar snin ilu, l-popolazzjoni fil-Belt kienet ta’ 5,748 persuna. 

Aktar minn kwart tar-residenti Beltin huma anzjani  

Mhuwiex xi sigriet li l-valur tal-proprjetajiet fil-Belt Valletta huwa għoli. Din l-istess gazzetta kemm-il darba tkellmet dwar it-tħassib tar-residenti, speċjalment dawk żgħażagħ, li għalihom huwa impossibbli li jixtru jew jikru dar il-Belt biex jgħixu fiha meta jitilqu minn mal-ġenituri.

L-ILLUM tkellmet ukoll ma’ residenti li ilhom snin jgħixu l-Belt Valletta u li qed jispiċċaw ikollhom jitilqu kontra qalbhom għax ma jlaħħqux mal-prezzijiet tal-kera li splodew ‘il fuq. Sid jippreferi li jbiddel blokka f’xi Boutique Hotel u minnha jaqla’ l-eluf fis-sena milli jaqla’ ċiċri minn xi koppja anzjana jew bil-familja li tgħix fl-appartamenti tiegħu. 

Dan wassal għal ħaġa waħda biss, jiġifieri biex il-popolazzjoni tal-Belt Valletta tixjieħ. Fil-fatt, minn 5,157 persuna li jgħixu fil-Belt, 1,388 għandhom aktar minn 65 sena. 

Dan ifisser li kważi 27% tal-popolazzjoni tal-Kapitali, jew aħjar aktar minn kwart tar-residenti Beltin), għandhom aktar minn 65 sena. 

739 persuna oħra għandhom bejn 55 u 64 sena filwaqt li 663 resident Belti għandu bejn 45 u 54 sena. 

706 persuni għandhom bejn 35 u 44 sena u 710 għandhom bejn 25 u 34 sena.  

Dawk li għandhom bejn 15 u 24 sena u jgħixu l-Belt jammontaw għal 455 filwaqt li 496 persuna għandhom 14-il sena jew inqas. 

L-età medja tar-residenti Beltin hija ta’ ftit aktar minn 47 sena li hija wkoll fost l-ogħla meta wieħed iħares lejn il-bqija tal-lokalitajiet f’Malta u Għawdex. 

Jonqsu l-Maltin u jiżdiedu b’mod sostanzjali r-residenti barranin fil-Belt  

Apparti li qed tonqos il-popolazzjoni tal-Belt Valletta, iċ-ċensiment wera wkoll kif sena wara l-oħra qed jonqsu r-residenti Maltin mill-Belt Valletta filwaqt li qed jiżdiedu dawk ir-residenti ta’ nazzjonalità differenti. 

Fil-fatt, f’għaxar snin, jiġifieri bejn l-2021 u l-2011 meta sar l-aħħar ċensiment, ir-residenti Maltin (jew dawk li huma verament Beltin) mill-Kapitali naqqsu b’19.5%, filwaqt li żdiedu b’277% dawk ir-residenti fil-Belt li għandhom ċittadinanza barranija. 

Huwa fatt magħruf li huma ħafna l-barranin li qed jixtru propjretajiet fil-Belt Valletta wħud biex jgħixu fihom, oħrajn biex jikruhom u oħrajn biex jiġu biss fihom ftit ġranet fis-sena. 

Fl-2011, meta l-popolazzjoni tal-Belt Valletta kienet ta’ 5,748 persuna, 5,570 kienu Maltin filwaqt li 178 kienu persuni ta’ nazzjonalità differenti. 

L-aħħar ċensiment wera li minn 5,157 persuna li jgħixu fil-Belt, 4,486 huma Maltin filwaqt li 671 huma barranin. 

Dan ifisser li fl-aħħar għaxar snin, ir-residenti Maltin mill-Belt Valletta naqqsu b’1,084 persuna filwaqt li r-residenti barranin fil-Kapitali żdiedu bi kważi 500 persuna. 

Id-dettalji tar-rapport preliminari taċ-ċensiment 2021 jistgħu jinstabu fuq is-sit tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO). 

More in Politika