'Il-Gvern qed iħaddem politika li falliet fis-60ijiet fit-trasport u infrastruttura' - ADPD
ADPD - The Green Party jisħaq illi l-Gvern għandu jippjana politika li tagħti spazju lil mezzi oħrajn ta' trasport, fosthom trasport pubbliku u roti, minflok jibqa' jipprijoritizza l-użu tal-karozza...

minn Albert Gauci Cunningham

L-ADPD - The Green Party sostna li l-Gvern u l-Ministru għall-Infrastruttura Aaron Farrugia qed imexxu politika tat-trasport li falliet diġà fl-Ewropa lura fis-60ijiet u s-70ijiet u dan wara li - skont l-istess partit - Farrugia "irredikola" proposta tal-NGO Rota.mt għal trasport aktar sostenibbli. Din l-għaqda tipproponi miżuri favur iktar spazji siguri fit-toroq għall-użu ta' roti, bil-Ministru jgħid illi l-ewwel il-Gvern jaċċerta li t-toroq huma siguri għall-użu tal-karozzi u wara - jekk ikun hemm spazju - jsiru bicycle lanes.
"Dawn il-kummenti jixhdu nuqqas kbir ta’ viżjoni, ta’ rieda politika u ta’ għarfien mill-Gvern fejn tidħol politika moderna dwar it-trasport u l-mobilità f’pajjiżna," sostna Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ta’ ADPD.
“Assolutament mhux veru li bini ta’ flyovers, inkluż il-konfużjoni preżenti ħdejn l-ajruport kif ukoll dak propost f’nofs l-Imsida, u twessiegħ ta’ toroq bl-addoċċ hija s-soluzzjoni għal ‘effiċjenza’ fil-mobilità. Minn fejn qed iġib dawn l-ideat żbaljati l-Ministru?" kompla jistaqsi.
Huwa sostna li effiċjenza fil-mobilità fis-sena 2022 tfisser toroq urbani aktar sikuri, b’inqas traffiku fihom, aktar toroq urbani pedestrijanizzati u riservati għat-trasport pubbliku u mezzi alternattivi bħar-roti u roti elettriċi, bicycle super-highways li jgħaqqdu l-istituzzjonijiet edukattivi post-sekondarji mal-irħula u l-ibliet tal-madwar, toroq sikuri madwar l-iskejjel kollha, u aktar spazju għar-roti, roti elettriċi, u għal sistema Bus Rapid Transit tul l-arterji prinċipali kollha.
“Il-mira tagħna għandha tkun għal żoni kbar fl-irħula u l-ibliet mingħajr karozzi – bħal ma naraw f’diversi bliet Ewropej. L-ispazju kbir li jieħdu l-karozzi, parti kbira minnu għandu jgħaddi lura lejn in-nies, ir-roti u t-trasport pubbliku, u jintuża biex it-toroq isiru isbaħ permezz ta’ programm ta’ tħawwil professjonali ta’ siġar fit-toroq urbani," kompla jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-ADPD.
Huwa qal li jekk dan ma jsirx pajjiżna se jibqa' magħruf bħala l-pajjiż, "tal-kruha u t-traskuraġni.”
Kompla jfakkar li huwa fatt dokumentat li t-trasport huwa sors ewlieni ta' emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tniġġis ieħor perikoluż f’Malta. "Il-politika ta’ Gvern wara ieħor kienet u għadha ċċentrata fuq il-karozzi minkejja li d-distanzi f’Malta huma żgħar. Bħal f’ħafna każi l-Gvern jitkellem fuq l-emerġenza tal-klima imma fil-qasam tat-trasport jaġixxi kontra l-klima, kontra l-ambjent u kontra l-interessi vera tan-nies.”
'Iż-żmien tar-rapporti spiċċa...'
Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo qal li l-fatt li skont in-National Transport Master Plan 2025 iffinanzjat mill-UE u kkummisjonat mill-Gvern nofs il-vjaġġi f’Malta huma ta’ inqas minn kwarta (Transport Masterplan) suppost jagħmilha aktar faċli biex il-Gvern iħajjar bidla fil-mod ta’ trasport u jiffaċilità lil min jitħajjar juża mezzi alternattivi tat-trasport.
"It-toroq huma ta’ kulħadd u għandhom jiġu disinjati biex jagħtu l-ispazju mistħoqq lil min sa issa huwa mkeċċi mit-toroq perikolużi li għandna," saħaq Cacopardo.
Huwa qal li l-Gvern qed jinjora proposti bħal ‘bus corridors’ u aktar spazju fit-toroq għat-trasport pubbliku.
“Iż-żmien tar-rapporti spiċċa għax id-data li għandna bżonn diġà teżisti. L-azzjoni iżda hija nieqsa minħabba l-ostakolu kbir ta’ politiċi li tul is-snin għażlu li ma jmexxux ‘il quddiem politika li tbiddel, tirriforma l-qasam tat-trasport u tat-toroq. Politiċi li għażlu li jippromwovu l-ivjaġġar bil-karozzi u jżidu t-toroq iddisinjati ħażin, minflok li jippromwovu meżżi differenti u irħas ta’ trasport," qal Cacopardo.
Huwa temm jisħaq li din it-tip ta’ politika hija frott ta’ sistema ta’ parlament iddominat minn żewġ partiti u qal li hija l-pluralità ta’ ilħna politiċi fil-Parlament li twassal għad-daqqa mortali għal din it-tip ta’ politika skaduta li tipprova tingħoġob billi tippreserva l-istatus quo. "Mhux ta’ b’xejn il-partiti fil-parlament jikkupjaw il-policies ta’ xulxin u jirreżistu riformi fis-sistema elettorali”, ikkonkluda.

