'Giddieb' - Arrigo jgħajjar lil Bernard Grech u jgħid li għandu jirriżenja

L-eks Viċi Kap tal-PN jgħid li Bernard Grech messu rriżenja wara r-riżultat diżastruż tal-elezzjoni...

L-eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo - li spiċċa mill-kariga b'diskors emottiv u li matulu qal li ġie mwarrab mit-tmexxija tal-partit - illum fetaħ il-kanuni fuq il-Kap tal-PN Bernard Grech u qal li dan għandu jirriżenja. Arrigo sostna li Bernard Grech, "ta risposti patetiċi" fuq il-porgramm XTRA, meta kien qed jirrispondi mistoqsijiet dwar is-Sindku tan-Naxxar. 

Huwa akkuża lil Grech illi wara li ordna illi s-Sindku tan-Naxxar tirriżenja u kienet saret inkjesta interna, Grech ma kinitx għoġbitu l-konklużjoni ta' dan ir-rapport. "Huwa qal li r-rapport ma kienx magħmul, meta kien. Dażgur hu qatt ma għandu tort - lanqas għar-riżultat orribbli fl-Elezzjoni Ġenerali. Ara nies oħrajn qablu, onorabbli, rriżenjaw wara riżultat diżastruż bal dan," qal Arrigo. 

Il-Kap tal-PN Bernard Grech kien qal illi huwa se jibqa' Kap u jerġa' jitlob konferma ftit biss wara li kien ċar illi l-PN kien tilef l-elezzjoni tas-26 ta' Marzu b'distakk rekord ta' 39,500 vot. Grech sussegwentement kien l-unika kandidat f'elezzjoni ta' konferma li ratu jikseb il-fiduċja ta' 81% tal-Kunsilliera. 

"Kap li jipprova jċekken lill-partit tiegħu stess u joqtol lill-Amministrattiv, Kap li jigdeb quddiem it-TV. Il-pass onorabbli huwa mistenni," saħaq Arrigo. 

Fl-aħħar diskors tiegħu Arrigo għamel diversi ringrazzjamenti għajr għal Grech u qal li hu saħansitra lanqas biss tħalla jitla' fuq palk waqt kampanja. Matul din il-ġimgħa huwa kkonferma storja li kienet ħarġet l-ILLUM u allura kif id-Dipartiment tal-VAT kien qed jibgħat ittri lill-uffiċjali tal-partit minħabba ħlasijiet pendenti. 

Huwa ppubblika ittra li turi li dan id-Dipartiment kien qed jitlob li jibdew jitħallsu madwar €200,000 f'VAT. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jirrispondi...

"Dak li kiteb Robert Arrigo dalgħodu f’post fuq il-media soċjali mhuwiex minnu," beda' l-istqarrija l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f'risposta għal diskors ta' Robert Arrigo.

Grech spjega li fil-każ tas-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami, il-Kunsill Amministrattiv kien ddeċieda li jkun xieraq illi l-każ ma jiġix ikkunsidrat minnu qabel l-elezzjoni ġenerali. "Dan sar proprju fuq suġġeriment ta’ Robert Arrigo nnifsu, li pparteċipa b’mod sħiħ f’din id-deċiżjoni," kompla l-Kap tal-PN.

Huwa temm jgħid illi l-fatti juru li l-Kap stess, "fl-ebda ħin ma waqqaf il-pubblikazzjoni ta’ xi rapport li ġie mħejji mill-Bord ta’ Etika u Dixxiplina u l-każ tas-Sindku tan-Naxxar qiegħed fuq l-aġenda biex jiġi diskuss quddiem il-Kunsill Amministrattiv."

More in Politika