Sitta minn kull 10 Maltin jemmnu li trid 'qaddis' biex tirnexxi fin-negozju

...u 84% jemmnu li l-politika u n-negozju huma 'wisq qrib', filwaqt li 29% biss jemmnu li hemm trasparenza fl-iffinanzjar tal-partiti 

Smajna ħafna dwar il-korruzzjoni u r-rabta - allegata jew ppruvata - bejn id-dinja tal-politika u n-negozju, rabta li saħansitra kien hemm diversi referenzi għaliha fir-rapport tal-inkjesta pubblika fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, li jgħid illi l-qrubija żejda bejn il-poter ekonomiku u dak politiku wasslet għall-impunità. Imma l-poplu x'jaħseb? Jemmen li teżisti din il-qrubija? U kemm jaħseb li l-qaddisin (mhux tas-sema' imma tal-art) jgħinu biex in-negozju tiegħek jikber? 

Xejn inqas minn 84% tal-poplu jemmen li hemm qrubija żejda bejn in-negozju u l-politika, filwaqt li huma 8% biss li jaħsbu l-kontra. Dan is-sondaġġ jiġi wara snin ta' stejjer ta' qrubija bejn negozjanti kbar u l-klassi politika, stejjer li jmorru lura għal JS List - allegata lista ta' kuntratturi favoriti ma' Gvern Nazzzjonalista - u l-iskandlu taż-żejt fejn entità pubblika (u allegatament eks Ministru) kienu qed jinnegozjaw fuq ix-xiri taż-żejt mill-Enemalta, u aktar riċenti bejn Yorgen Fenech u l-eks PM Joseph Muscat kif ukoll l-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri. Dan apparti stejjer u allegazzjonijiet ta' favoritiżmu minn Gvernijiet differenti u pagi tal-PN imħallsin mid-DB.  

Minkejja li l-persentaġġ huwa għoli, din il-perċezzjoni (jew realtà) mhix l-ogħla f'Malta. Fil-fatt iċ-Ċiprijotti (93%), il-Griegi (93%), il-Kroati (87%) u l-Litweni (86%) huma l-aktar konvinti li r-rabtiet bejn il-politika u n-negozju huma wisq qrib.  

Dan kollu jirriżulta minn l-aħħar sondaġġ tal-Ewrobarometru li jeżamina l-korruzzjoni, il-perċezzjoni tal-korruzzjoni u anke l-aċċettabilità tagħha madwar l-UE bil-Griegi, Ċiprijotti, Ungeriżi u Kroati jkunu fost l-aktar nazzjonalitajiet li jħossu li hemm korruzjoni f'pajjiżhom jew li din żdiedet fl-aħħar snin.  

Minn naħa l-oħra l-aktar pajjiż fl-UE fejn il-poplu jħoss li ma hemmx din il-qrubija żejda hija fid-Danimarka (48%).  

Mistoqsijin jekk jaħsbux li fl-aħħar tliet snin il-korruzzjoni żdieditx f'pajjiżna, nofs il-Maltin (50%) qalu li żdiedet, li hija 9% ogħla mill-medja fl-UE u 33% aktar mill-Estonjani li huma l-inqas li jaħsbu li żdiedet il-korruzzjoni f'pajjiżhom, segwiti mill-Finlandiżi (20%).  

Dan ipoġġi lil Maltin fid-disa' post u allura fost l-aktar li jemmnu li l-korruzzjoni żdiedet, u  fuq quddiem hemm il-Kroati (67%), iċ-Ċiprijotti (66%), l-Islovakki (65%), l-Ungeriżi (61%), l-Olandiżi (53%) u l-Griegi (51%).  

Minkejja dan, madwar l-UE kollha persentaġġ qawwi wkoll jemmnu li l-korruzzjoni baqgħet l-istess f'dawn l-aħħar tliet snin, ikkumparat ma' qabel. Tletin fil-mija tal-Maltin jemmnu dan, filwaqt li l-persentaġġ ivarja minn 64% fil-Litwanja għal 26% fil-Kroazja.  

U l-ewropej, inkluż aħna, nemmnu li l-Gvern qed jagħmel biżżejjed biex jiġġieled il-korruzzjoni?  

Skont l-Ewrobarometru, il-maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin, simili għal ħafna f'pajjiżi oħrajn, jemmnu li l-Gvern mhux qed jagħmel biżżejjed biex jiġġieled il-korruzzjoni (54%) filwaqt li huma ftit aktar minn terz tal-poplu (38%) li jemmen illi qed jagħmel biżżejjed.  

L-aqwa ċertifikati lill-Gvernijiet tagħhom dwar il-korruzzjoni jagħtuhom il-Finlandiżi, fejn 50% iħossu li dan qed jagħmel biżżejjed biex jiġġieled il-korruzzjoni, il-poplu tal-Lussemburgu (49%) u d-Daniżi (46%). Fuq ix-xaqliba l-oħra, l-aktar popli li jaraw li l-Gvernijiet tagħhom mhumiex jiġġieldu l-korruzzjoni huma dawk tal-Latvja u l-Bulgari (17%), il-Franċiżi (18%) u l-Griegi (18%), l-Islovakki (20%) u ċ-Ċiprijotti (22%).  

63% tal-Maltin jemmnu li trid 'qaddis' biex tirnexxi... 

Maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin, jew 63%, jemmnu li biex tirnexxi fin-negozju irid ikollok konnessjonijiet politiċi tajbin, dawk li ħafna jafu fl-espressjoni Maltija bħala 'qaddisin'. Dan huwa eżatt l-istess persentaġġ daqs il-Portugiżi u l-Pollakki. L-aktar nies illi jħossu li pajjiżhom iħaddem sistema meritokratika huma d-Daniżi, fejn 79% ma jemmnux li hemm bżonn konnessjonijiet politiċi biex tirnexxi, segwiti mill-Iżvediżi (76%), il-Finlandiżi (72%) u l-Olandiżi (71%).  

Minn naħa l-oħra ċ-Ċiprijotti huma l-aktar li jemmnu li mhux kemm taf imma lil min taf biex tirnexxi fin-negozju b'86%, segwiti mill-Kroati (81%) u l-Bulagri (76%).  

Il-finanzjament tal-partiti huwa suġġett ieħor li jitqajjem f'dan is-sondaġġ - suġġett jaħraq anke lokalment fejn minkejja bidliet fil-liġi fl-aħħar snin xorta baqa' ħafna dubji dwar kif negozji kbar u l-PN/PL daru mal-liġi biex xorta baqgħu jingħataw donazzjonijiet, iżda f'forom differenti. L-inkwiet jibqa' illi donaturi kbar jkunu qed jistennew xogħol u imġieba preferenzjali lejhom bħala "ħlas lura" għad-donazzjonijiet jew għajnuna li jkunu taw.  

Huma 29% biss tal-Maltin li jemmnu illi hemm biżżejjed trasparenza u superviżjoni fuq l-iffinanzjar tal-partiti, filwaqt li 59% ma jaqblux. Dan juri illi l-poplu għad għandu dubji kbar dwar kemm inqata' l-kurdun bejn negozjanti kbar u l-partiti.  

Huwa poplu wieħed biss - dak Żvediż - li jemmen b'maġġoranza assoluta - illi hemm biżżejjed trasparenza fl-iffinanzjar tal-partit f'pajjiżhom (53%). Fil-Polonja u l-Finlandja b'47% kull wieħed hemm maġġoranza relattiva li jemmnu dan.  

Fost l-inqas kuntenti b'qafas legali dwar l-iffinanzjar tal-partiti hemm il-Bulgari (16%), il-Griegi (17%) u l-Estonjani (19%).  

U finalment, dwar l-azzjoni governattiva kontra l-korruzzjoni maġġoranza qawwija ta' 72% tal-Maltin u l-Għawdxin jemmnu li każi ta' korruzzjoni f'livell għoli mhumiex investigati biżżejjed - akkuża li fil-fatt issir ħafna mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista u anke mill-għaqda Repubblika.  

Minkejja li dan il-persentaġġ huwa għoli ħafna xorta mhuwiex l-ogħla fl-UE (anke jekk ogħla mill-medja). Fil-fatt l-aktar li jaħsbu li każi ta' korruzzjoni fost politiċi u fost persuni b'karigi għolja ma tkunx miġġielda biżżejjed huma l-Griegi b'88%, segwiti mill-Ungeriżi u ċ-Ċiprijotti - it-tnejn b'82%.  

Fil-verità f'kull pajjiż hemm 40%+ li jħossu li ma jsirx biżżejjed kontra dan it-tip ta' korruzzjoni.  

Sitta minn kull 10 Maltin jemmnu li l-abbuż u t-tixħim huma mifruxin fil-partiti 

Dan is-sondaġġ evalwa wkoll x'jaħsbu l-popli ewropej - inkluż dak Malti - dwar il-korruzzjoni fil-partiti u fost il-politiċi u mill-ġdid ir-riżultati ma tantx kienu inkoraġġanti.  

Sitta minn kull 10 Maltin (60%) jemmnu li t-tixħim u l-abbuż tal-poter huma mifruxin sew fost il-partiti politiċi Maltin, ftit aktar mil-medja ewropea ta' 58%. Viċin tagħna hemm il-Kroati (61%), it-Taljani (63%), il-Franċiżi (65%), il-Griegi (65%), l-Islovakki (65%) u l-Portugiżi (66%). L-ogħla persentaġġ kien fi Spanja b'85%.  

L-inqas li jemmnu li l-abbuż huwa mifrux fost il-partiti huma l-Isvediżi b'29%, il-Finlandiżi b'32%, il-poplu tal-Lussemburgu b'37% u d-Daniżi b'38%.  

Intant ftit iktar minn nofs il-poplu Malti (53%) jemmen li t-tixħim u l-abbuż tal-poter huwa mifrux sew fost il-politiċi, persentaġġ li jitla' għal 67% fost l-Ispanjoli u anke l-Islovakki u tinżel għal 29% u 36% fost id-Daniżi u l-poplu tal-Lussemburgu, rispettivament.  

More in Politika